Night School

  • ***

    Direttur:          Malcolm D. Lee

    Atturi:              Kevin Hart, Tiffany Haddish, Rob Riggle, Taran Killam, Romany Malco, Keith David u Loretta Devine

    Ħin tal-Film:    111 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Fis-sena 2001, l-istudent Teddy Walker ma baqax jattendi aktar skola għax ma kienx kapaċi jikkonċentra waqt l-istudju. Fis-sena 2018, Teddy jinsab jaħdem bħala salesman f’negozju li jbiegħ barbecue grills. Jinsab ukoll f’relazzjoni ma’ Lisa, tfajla sinjura ħafna u li kienet ħalliet lil Teddy jgħix f’illużjoni li kollox kien sejjer sew u li kien suċċess kbir fil-ħajja li kien qiegħed jgħix. Iżda dan kellu jinbidel meta n-negozju li kien sejjer jieħu f’idejħ, inqered għal kollox meta aċċidentalment Teddy ikkaġuna splużjoni meta, biex jiċċelebra l-għerusija tiegħu ma’ Lisa, fetaħ flixkun xampanja u t-tapp tas-sufra laqat tank tal-gass b’konsegwenzi diżastrużi. Il-bini sar ħerba. Il-proprjetarju ddeċieda li jieħu l-flus tas-sigurtà, b’Teddy jibqa’ b’xiber imnieħer u bla xogħol.

    Marvin, ħabibu, iħajru biex jibda jistudja biex iġib l-kwalifika tal-GED (General Educational Development). Marvin wegħdu li kien lest li jgħinu u jagħtih xogħol f’ditta kummerċjali tal-investimenti finanżjarji. Għalhekk Teddy jiddeċiedi li jibda jattendi l-iskola ta’ filgħaxija bi ħsieb li juża l-faxxinu li kien jaf juża tant tajjeb u b’hekk ikun jista’ jirbaħ l-ammirazzjoni tal-prinċipal u bla nkwiet ta’ xejn jakkwista l-kwalifika li xtaq mingħajr ma kien hemm bżonn li jagħmel xi eżami.

    Iżda l-pjan tiegħu ma ħadimx għaliex Stewart, il-prinċipal kien wiehed minn sħabu meta kien jattendi l-iskola tant snin ilu u Teddy kien jibbuljah b’riżultat li xejn ma kienu jinġiebu. Fortunatament, Teddy irnexxielu jagħmel arranġamenti biex jibda jattendi l-iskola ta’ filgħaxija fejn hemm sab lil Carrie, għalliema, li ma kontx tagħmlilha bżieq fuq imneħirha. Teddy ghalkemm beda jattendi l-iskola iżda sab l-istess diffikultajiet li kien sab meta kien tifel bir-riżultat li sabha diffiċli biex jistudja. Sadanittant, ma’ Lisa kien baqa’ li kien ġa beda jaħdem ma’ Marvin f’uffiċċju, meta fir-realtà kull ma kien jagħmel kien li jaħdem f’ristorant tal-fast food. Bħal sħabu fil-klassi li ma kienux isibuha faċli, Teddy ikkonvinċihom biex jidħlu fl-uffiċċju tal-prinċipal u jisirqu l-karta tal-eżami. Il-pjan irnexxa iżda x’jiġri meta Carrie tinduna x’kienu għamlu?  Teddy jammetti li kien hu wara l-pjan. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, kummiedja ħelwa taħt id-direzzjoni ta’ Malcolm D. Lee. Minħabba ċajt goff u doppju sens kif ukoll kliem baxx u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.