• ****

    Direttur:          Damien Chazella

    Atturi:              Ryan Gosling, Claire Foy, Jason Clarke, Pablo Scheiber, Ethan Embry, Kyle Chandler, Corey Stoll u Chistopher Abbot

    Ħin tal-film:     141 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12

    Fl-1961, Neil Armstrong test pilot ċivili man-NASA, jiġi mwaqqaf temporanjament minn xogħolu wara numru ta’ attentati fuq it-titjiriet X-15. Sadanittant, bintu Karen kienet qegħda tiġi kkurata fl-isptar minħabba tumur f’moħħha li sfortunatament wassalha biex tmut fi żmien qasir. Neil jiddeċiedi li japplika biex isir astronawta man-NASA u jiġi aċċettat biex jidħol fil-proġett Ġemini. Hawn isir ħbieb ma’ Elliot See, test pilot ċivili u Ed White. Minħabba tibdil ta’ xogħol, fl-1965, hu flimkien ma’ martu Janet u uliedhom subien, Rick u Mark marru jgħixu ġewwa Houston.

    Mill-bidu tat-taħriġ tal-proġett Ġemini, l-astronawti  jiġu mħeġġa minn Deke Slaton fuq l-importanza ta’ dan il-proġett hekk kif l-Unjoni Sovjetika kienet tinsab ħafna ’l quddiem mill-Amerika fit-tiġrija spazjali. It-taħriġ ma jkunx faċli u jkun hemm mumenti ta’ frustrazzjoni u tensjoni bħal meta kif kollox kien lest u Ed jiġi assenjat biex ikun l-ewwel persuna li jagħmel l-ewwel mixja barra l-vettura spazjali Ġemini 4, Alexey Leonov jirnexxilu jkun hu li jagħmel hekk fuq Voskhod 2.

    Mument ieħor kien meta Elliot See u Charles Bassett imutu fil-kraxx tat-T-38. Sadanittant, Neil jiġi magħżul biex ikun il-kmandant f’Ġemini 8. Kollox jidher li sejjer sew u Ġemini 8 jittrakka b’suċċess ma’ Aġena, vettura target fl-ispazju, imma jinqala’ ntopp serju u kellha tkun il-ħila ta’ Neil li ssalva l-qagħda perikoluza u jevita diżastru ieħor fl-ispazju. Dan żgur kien jikkawza t-telf tal-fiduċja u l-appoġġ  tal-poplu Amerikan fil-programm spazjali.

    Wara dan l-inċident, NASA tħabbar li kienet sejra tibda programm ieħor fl-ispazju, l-proġett Apollo li kien sejjer iwassal biex jinżel l-ewwel bniedem fuq il-qamar. Għal darba oħra inċident serju, fis-27 ta’ Jannar 1967, jaħsad il-ħajja ta’ żewġ astronawti fuq Apollo 1.  Riżultat ta’ dan l-inċident serju, l-programm Apollo jiġi pospost sakemm issir inkjesta fuq is-sigurtà tal-programm kollu. Sena wara, Neil jiġi magħżul biex ikun il-kmandant ta’ Apollo 11 u li wisq probabbli jkun hu l-ewwel bniedem li jinżel fuq il-qamar. X’jiġri minn hawn ’l quddiem hekk kif Neil jibda jħejji ruħu ghal din il-missjoni tant diffiċli u perikoluża tant li effettwat ir-relazzjoni tieghu ma’ familtu?

    Film biografiku Amerikan taħt id-direzzjoni ta’ Damien Chazelle u kitba ta’ Josh Singer. Minħabba t-tema tal-film kif ukoll xi kliem goff, tajjeb li l-film jaraw dawk li għalqu t-tnax-il sena.