"Il-Knisja qed tħares lejkom b’tama" - L-Arċisqof lis-seminaristi li rċevew il-Ministeru tal-Akkolitat

Ħames seminaristi istitwiti fil-Ministeru tal-Akkolitat

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Is-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù, ir-Rabat

    5 ta' Novembru 2018

    Għeżież seminaristi,

    Illejla l-Knisja qed issejħilkom biex tilqgħu l-Ministeru tal-Akkolitat. Ħa nibdew b’dawn iż-żewġ kelmiet tqal: Ministeru tal-Akkolitat. Kif tafu, il-kelma 'ministeru' ġejja mil-Latin minister u li tfisser ‘qaddej’ u tfakkarkom li jekk fil-ħajja tagħkom ma tilqgħux din il-vokazzjoni ta’ qadi li l-Mulej qed isejħilkom għaliha, tkunu fil-periklu li dak kollu li tmissu ma jagħmilx frott.

    Meta l-Mulej bagħatna biex nagħmlu l-frott—u l-frott tagħna jibqa’—kien għadu kemm ħasel saqajn id-dixxpli tiegħu u kien għadu kemm qalilna: “Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.  Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13, 13:15). Il-missjoni ta’ min bagħatkom, jekk ma tkunx missjoni ta’ qadi, ma tħallix frott.

    Mil-Latin, issa ser mmorru għall-Grieg. X’inhu l-akkolitu? Il-kelma ‘akkolitu’—u intom tgħallmuni l-Grieg għax m’ilkomx li tgħallimtuh—akólouthein, kien jgħidilna l-kbir Patri Eġidju Mizzi, tfisser li ssegwi li xi ħadd għax l-akkolitu huwa dak li jsegwi bin-nar f’idejh biex jara fejn sejjer. Qabelxejn, din għandha tfakkarkom li qed issegwu u timxu wara xi ħadd, li huwa Ġesù.

    L-ewwel ħaġa li jfakkarna fiha l-Ministeru tal-Akkolitat hija f'dan il-pedament u li aħna segwaċi ta’ Ġesù. La intom segwaċi ta’ Ġesù u qaddejja tal-poplu tiegħu bl-ispirtu tal-ħasil tar-riġlejn, intom tistgħu taqdu fil-mejda tal-Ewkaristija. Għaliex il-qaddej tal-mejda tal-Ewkarstija huwa d-dixxiplu li laqa’ l-kmand iebes li Ġesù qal lil Pietru: “Int imxi warajja!” (Ġw 21:22). Lill-Pietru ma qallux biex jitlaq minn quddiemu jew jisparixxi imma biex Pietru jimxi wara Ġesù. Ġesù baqa’ jgħid l-istess ħaġa sal-aħħar, tant li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, l-aħħar kelma ta’ Ġesù lil Pietru kienet “inti imxi warajja”. Hu juża l-istess verb li jagħti l-isem lill-ministeru li qed tieħdu minn idejn il-Knisja. Meta Pietru staqsa x’kien ser jiġri minn Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, Ġesù qallu: “Inti x'inhi affarik?” (Ġw 21:22).

    Il-qaddej irid il-ħin kollu jħares lejn id sidu.

    Ħafna drabi aħna naħlu ħafna enerġija għax medhijin f’xulxin. Imma intom u tkunu qaddejja tal-mejda tal-Ewkaristija ma tistgħux tkunu medhijin f’xulxin u lanqas fil-ħarsa tagħkom. Il-ħarsa tagħkom trid tkun ħarsa ta’ qaddej lejn id sidu. Ftakru f’dik l-espressjoni sabiħa fis-Salmi: “Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha; hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, sa ma jkollu ħniena minna” (Salm 122:2). Il-qaddej irid il-ħin kollu jħares lejn id sidu. U jekk inti tħares kontinwament lejn id sidek, li qiegħda fuq l-artal, ftakar x’qiegħda tagħmel dik l-id: qiegħda taqsam il-ħobż u tnewwel il-kalċi; l-id li ħaslet riġlejn l-appostli qiegħda tnewwel il-loqma ħobż lil Ġuda l-Iskarjota; dik l-istess id li kellha tara n-nifda u l-marki tal-imsiemer. Inti trid tħares lejn id sidek għax inti u tresaq lejn il-mejda tal-artal, tara id sidek.

    Għalhekk, li llum il-Knisja qiegħda tafdakom b’dan il-ministeru l-offerti tagħha, permezz tal-isqof ser tgħidilkom: ‘Ħu l-ħobż, ħu l-inbid għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa u għix b’mod li jkun jixraqlek sservi l-mejda tal-Mulej. Inti u tħares lejn id is-sid u tinduna b’li qed jagħmel il-Mulej, jgħallmek li inti wkoll trid tingħata bħalma jagħmel sidek, li qiegħed jagħti lilu nnifsu. Inti trid tkun imxerred bħalma hu qed ixerred demmu għall-maħfra tad-dnubiet; hu qiegħed jaqdi bħalma int trid tkun ukoll qaddej.

    Il-Mulej għallimna li aħna qaddejja tal-Knisja biex infittxu mhux li nkunu moqdija imma li naqdu lill-aħwa kollha.

    Waħda mill-buzzwords hija l-kelma ‘klerikaliżmu’. Kulħadd isemmi l-pjaga tal-klerikaliżmu. Imma x’inhu dan il-klerikaliżmu? Li tmur tieħu shower bis-suttana? Li toqgħod trewwaħ lejl u nhar l-inċens fil-kamra għax ma tistax tpejjep? Erġgħu isimgħu t-talba tal-Knisja! O Alla, int għallimt lill-ministri tal-Knisja tiegħek, lill-qaddejja tal-Knisja tiegħek, biex ifittxu u mhux ikunu moqdija imma li jaqdu lill-oħrajn. Jekk nifhmu din, aħna salvi; jekk ngħixuha tant l-aħjar għax tista’ tifhem u tgħixha kuljum. Għax il-Mulej għallimna li aħna qaddejja tal-Knisja biex infittxu mhux li nkunu moqdija imma li naqdu lill-aħwa kollha. U llum il-Knisja titlob għalikom biex tkunu mimlija bil-ħeġġa għall-ħidma tagħkom, u titlob ukoll biex il-Mulej jgħinkom tagħtu s-servizz tagħkom b’mod ħelu, mhux b’mod sorr imma b’ħafna paċenzja. Imma fuq kollox, fl-għerf tagħha, il-Knisja titlob li l-Mulej iżommkom sħaħ sal-aħħar fit-talb.

    Ħa ngħidilkom kif inħossha: jiena mhux dilettant ħafna la tal-ġiri u lanqas tal-mixi. Huwa minnu li l-akkolitu jrid isegwi imma iktar milli jimxi jrid jieqaf u jadura lil Ġesù Ewkaristija. Inti u tħares lejn id sidek, adurah preżenti, ħaj, silenzjuż imma elokwenti, dgħajjef imma qawwi fl-Ewkaristija. Meta l-Knisja titlob għalikbiex il-Mulej iżommok sħiħ sal-aħħar fit-talb u tagħtik il-Ministeru tal-Lettorat, qed titlob li inti timmedita fuq il-Kelma ta’ Alla. Illum, li qed tiġi istitwit akkolitu, qaddej tal-mejda tal-Ewkaristija, il-Knisja qiegħda titlob li inti tkun aduratur. Għaliex fil-mixja tagħkom lejn is-saċerdozju, il-Knisja tifhem li intom tridu tassimilaw il-Kelma tal-Mulej u tkunu ħbieb tal-Ewkaristija. Illum il-Knisja qed tħares lejkom b’tama li għad jiġi l-waqt meta fuq il-Kelma tagħkom ta’ saċerdoti kkonsagrati lil Alla, il-Mulej Ġesù jkun preżenti fuq l-artal. Il-Knisja tħares lejn din il-ġurnata b’tama u ferħ ta’ antiċipazzjoni kbira, imma qabel għandha bżonnkom għarkupptejkom taduraw lill-Missier, lis-Sagrament u tieqfu fis-silenzju quddiemu. Għandna żmien għal kollox; il-Facebook tagħna għandu jkun looking at the face of Jesus.


    ✠ Charles J.Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     
  •  
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti