• ****

    Direttur:          Steve McQueen

    Atturi:              Viola Davis, Michelle Rodriguea, Liam Neeson, Jon Bernthal, Manuel Garcia-Rulfo, Coburn Goss, Alajandro Verdin, Bailey Ryse Walters u Elizabeth Debicki

    Ħin tal-Film:    129 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Veronica Rawlings li tgħix f’Chicago, eżekuttiva fl-unjoni tal-għalliema, kienet miżżewġa lil Harry, kriminal gwap. Lejla waħda, il-vann li kien ta’ Harry, jispiċċa splodut wara li s-serqa li kienet qegħda sseħħ marret ħażin hekk kif il-pulizija iċċirkundat il-maħżen u sparat fuq dawk li kienu fil-vann lesti biex jaħarbu b’somma kbira ta’ flus. L-erba’ ħallelin kollha kien maħsub li mietu minħabba li l-vann spiċċa ballun nar bl-isplużjoni qawwija. Iż-żewġ miljun dollaru li kienu fil-vann, il-mira tas-serqa, kienu ta’ Jamal Manning, kap ta’ gang kriminali. B’riżultat ta’ din it-traġedja, erba’ nisa sabu ruħhom romol: Veronica, Alice, Linda u Belle.

    Ftit jiem wara din it-traġedja, Veronica kellha żjara minn Jatemme Manning, l-id leminija ta’ Jamal li għamilha ċara magħha li Jamal irid lura ż-żewġ miljun dollaru li Harry kien seraq mingħandu. Dan kellha tagħmlu fi żmien  xahar.  Veronica mhux biss spiċċat armla iżda wkoll sfagħat falluta. B’xorti tajba, meta marret biex tiġbor il-kontenut li kien hemm fil-kaxxa tas-safe deposit li kellu r-raġel, issib ktieb li fih kien hemm pjan dettaljat ta’ serqa oħra li Harry kien sejjer iwettaq u li din is-serqa kienet sejra tkun ta’ ħames miljun dollaru. Barra din il-pjanta, Veronica ssib xi ritratti li kienu jikkompromettu politikant magħruf. Veronica b’dan il-pjan f’idejha kif ukoll bl-għajnuna ta’ informazzjoni importanti li l-politikant kellu jgħaddilha, ddeċidiet li tinvolvi r-romol l-oħra:  Linda, li l-ħanut li kellha ġie żarmat mill-kredituri tagħha, Alice, li biex tgħix kellha tibda tfittex li tbiegħ lilha nfisha għas-sess u Amanda, li daħlet flok Belle. Veronica kellha tħalli barra lil Belle għax meta marret tfittixha, skopriet xi ħaġa importanti fuq ir-raġel tagħha.  Dawn flimkien magħha kellhom jippjanaw din is-serqa li kien ħejja Harry. Bis-saħħa tal-flus li kienu sejrin jisirqu, mhux biss Veronica tkun tista’ tħallas id-dejn ma’ Jamal Manning, iżda wkoll tħallilhom somma sabiħa f’idejhom.  Tgħid is-serqa li Veronica ppjanat tant tajjeb, tirnexxi?

    Film Brittaniku/Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Steve McQueen u addatat għal fuq il-liżar taċ-ċinema minn McQueen stess u Gillian Flynn.  L-istorja hi msejjsa fuq serje televiżiva li dehret fuq l-ITV fis-sena 1983, bl-istess isem. Minħabba vjolenza, qtil bla skruplu ta’ xejn, kliem goff kif ukoll kontenut sesswali, tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.