• *****

    Diretturi:         Scott Mosier u Yarrow Cheney

    Ilħna:               Benedict Cumberbatch, Cemeron Seely, Rashida Jones, Kenan Thompson, Angela Lansbury, Tristan O’Hare, Ramone Hamilton, Sam Lavignino, Scalett Estevez u Pharrel Williams

    Ħin tal-Film:    85min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      U

    Grinch, kreatura ta’ kulur aħdar, b’sufu irqiq qasir wieqaf, jgħix isolat mir-raħal żgħir ta’ Whoville, ġewwa għar fuq il-Muntanja Crumpet. L-uniku kumpanjia li kellu kien il-kelb fidil bl-isem ta’ Max. Grinch kien jemmen li hu kellu qalbu b’żewġ daqsiet iżgħar minn ta’ kulħadd u għalhekk iddeċieda li jkun aħjar għalih li ma jkollu x’jaqsam ma’ ħadd u jgħix għalih waħdu fil-kwiet. Kien jinżel biss fir-raħal biex jixtri l-bżonnijiet li kien ikollu bżonn. Hemm, xejn ma kien imur tajjeb la mal-kbar u wisq inqas maż-żgħar. Waħda mit-tfal li kien ibeżża’, kienet Cindy-Lou, tifla ta’ ħdax-il sena. Cindy-Lou kellha numru ta’ ħbieb li għal din is-sena, għal Milied kienu qegħdin jippjanaw biex jagħmlu nasba għal Santa Klaws li kull sena, lejliet il-Milied kien jinżel biex jagħti r-rigali lit-tfal.

    Din is-sena, r-raħal ta’ Whoville xtaq ħafna li l-Milied ikun iċċelebrat tliet darbiet akbar mis-snin ta’ qabel. Din l-aħbar xejn ma għoġbot lil Grinch li ma kienx jieħu pjaċir bl-istorbju li kien isir f’dawn il-jiem, b’kant ta’ karols, żfin, għajjat ta’ ferħ mit-tfal kif ukoll tiżjin mill-isbah li r-raħal kien jiżżejjen bih. Grinch kien deċiż li dan ma kienx sejjer iħallih isir din is-sena. Ħejja pjan biex jaċċerta ruħu li jkun hekk. Il-pjan kien imfassal b’tali mod li l-ferħ li ma kien jieqaf qatt f’dawk il-jiem kien jintemm ħesrem. Grinch kien lest jagħmilha ta’ Santa Klaws u bi pjan metikoluż, bl-għajnuna ta’ Max u ta’ Fred, ċerv oħxon, jara kif iwaqqqaf u jħassar iċ-ċelebrazzjonijiet li r-raħal ta’ Whoville kien ħejja biex jiċċelebra. X’kien il-pjan? Tgħid jirnexxielu b’dan il-pjan illi kieku kellu jirnexxi kien żġur jaffettwa l-ferħ kbir li jgib miegħu dan iż-żmien tal-Milied? Grinch iżda ma kienx jaf li Cindy-Lou kienet ħejjiet nasba biex taqbad lil Santa Klaws, il-veru, u hekk issir tafu u tirringrazzjah għal ferħ kbir li kien iġib kull sena.

    Film Amerikan għal Milied, animat komputerizzat, msejjes fuq il-ktieb ta’ Dr. Seuss li ħareġ fl-1957 bl-isem ta’ How the Grinch Stole Christmas. Film taħt id-direzzjoni ta’ Scott Mosier u Yarrow Cheney, b’messaġġ pożittiv ħafna u li żgur għandu jogħġob lil kulħadd. Nirrikkmandah ħafna. Żgur li tieħdu pjaċir.