• L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tkompli tinvesti f’enerġija nadifa u timplimenta  inizjattivi favur l‑ambjent. Fil-preżent qed tiġi installata sistema ta’ pannelli fotovoltajċi fuq il‑bini tal‑Kurja tal‑Arċiqsof, il‑Furjana. Madwar 40 entità oħra tal‑Knisja f’Malta, fosthom għadd ta’ parroċċi u djar għall‑anzjani, diġà qed jagħmlu użu minn enerġija ġġenerata mill-pannelli fotovoltajċi.

    Matul l‑aħħar ġimgħat, fil‑kmamar u fl‑uffiċċji tal‑Kurja twaħħlu bozoz energy saving, qed isir użu aħjar mid‑dawl naturali u nbidlu monitors u kompjuters għal oħrajn li jużaw inqas enerġija.

    Bejn id‑19 u l‑25 ta’ Novembru l‑impjegati tal‑Kurja tal‑Arċisqof ingħaqdu mal‑kumplament tal‑pajjiżi Ewropej u ċċelebraw l‑għaxar edizzjoni tal‑Ġimgħa Ewropea għat‑Tnaqqis tal‑Iskart. Dan permezz ta’ diversi attivitajiet li joħolqu għarfien dwar l‑immaniġġjar u t‑tnaqqis tal‑iskart, l‑użu mill‑ġdid ta’ prodotti tal‑ikel u r‑riċiklaġġ ta’ materjali. Fost l‑attivitajiet ttellgħet laqgħa ta’ informazzjoni għall-ħaddiema b’kollaborazzjoni ma’ Wasteserv dwar kif tista’ titnaqqas il-ħela tal-ikel u b’hekk jitnaqqas ir‑rimi tal‑iskart organiku.

    Ġiet imnedija wkoll Waste Management Policy għall‑impjegati kollha tal‑Kurja tal‑Arċisqof bl‑iskop li sservi ta’ gwida fl‑immaniġġjar tal‑iskart. Sabiex jitnaqqas l‑użu tas‑single‑use plastic inxtraw kikkri tal‑ħġieġ biex jintużaw fil‑magni tal‑kafè flok it‑tazzi tal‑plastik.

    Il‑proġetti u l‑inizjattivi meħuda mill‑Arċidjoċesi jirriflettu t‑tagħlim tal‑Papa Franġisku li fl‑enċiklika tiegħu Laudato Si’ jappella sabiex iċ‑ċittadini jieħdu ħsieb id‑dar komuni tagħna li hi d‑dinja, billi jingħaqdu kontra t‑tibdil fil‑klima, jipprattikaw żvilupp sostenibbli u jipproteġu l‑ħolqien.