• ***

    Direttur:          Crispian Mills

    Atturi:              Asa Butterfield, Finn Cole, Hermione Corfield, Michael Sheen, Nick Frost, Simon Pegg, Louis Strong, Jamie Blackley u Jassa Ahluwalia

    Ħin tal-Film:    104 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Slaughterhouse hi skola rinomata fil-Gran Brittanja li fiha kienet tiġbor studenti ġejjin minn familji sinjuri u aristokratiċi. Infetħet fis-sena 1770 u kienet timxi fuq is-sistema Ingliża tal-iskejjel magħrufa sew bħala public boarding schools, li minnhom kienu u għadhom joħorgu nies magħrufa għal kontribut li taw għas-sistema politika u soċjali fil-pajjiż.

    L-istorja tal-film teħodna fiż-żminijiet tallum fejn insibu lil Don Wallace, tifel minn Yorkshire, li kellu ftit esperjenza  ta’ dawn it-tip ta’ studenti ġejjin minn klassi għolja tas-soċjetà. L-iskola kienet tinsab f’post ideali fil-kampanja, bini maestuż mdawwar bi ħdura kif ukoll bosk li fih kien jidher li kien hemm xi sigriet misterjuż, tant li l-istudenti ma setgħux jersqu lejh.

    Il-kap tal-iskola, magħruf bħala The Bat, ta konċessjoni lill-kumpanija Terrafrack biex tiskavi l-post għaliex kien hemm il-possibiltà li kien hemm ħażna kbira ta’ gass. Sadanittant, Wallace jagħmel ħiltu biex jidħol fl-ispirtu tal-ambjent li sab ruħu fih, fejn id-dixxiplina kienet f’idejn l-istudenti tal-aħħar klassi u li xi ftit minnhom kienu jieħdu pjaċir juzaw il-poter b’mod abbużiv. Wallace ma jdumx ma jagħmel ħbieb ma’ Willoughby Blake, l-istudent li kien jaqsam il-kamra miegħu, kif ukoll Clemsie Lawrence, mlaqqma l-goddess u s-sieħbha tagħha Kay. Waqt li l-avventuri ma kienux jonqsu qatt, fic-ċentru tal-bosk inħolqot ħofra kbira li sfortunatament fetħet bokka li ddisturbat u  kixfet speċi ta’ kreaturi feroċi li kienu lesti hekk kif sabu l-ħelsien li jagħmlu ħerba mill-post.

    Dawn l-annimali feroċi fi żmien qasir bdew iwettqu straġi fost numru ta’ protestanti li kienu fuq il-post jopponu dan l-iżvilupp kif ukoll studenti u għalliema. Wallace meta jara dan l-istraġi jseħħ quddiemu, flimkien ma’ shabu u Meredith Houseman, wieħed mill-għalliema, jibdewjara w x’jistgħu jagħmlu biex isibu mezz kif isalvaw. Dan iżda iktar faċli li wieħed jgħidu milli jwettqu. L-akbar problema li sabu ruħhom wiċċ imbwiċċ magħha kienet kif sejrin isalvaw huma stess mill-qawwa ta’ dawn l-annimali feroċi. Tgħid jirnexxielhom?

    Film Brittaniku, kummiedja u fl-istess waqt tal-biża’, taħt id-direzzjoni ta’ Crispian Mills u kitba ta’ Mills u Henry Fitzherbert. Minħabba vjolenza mdemmija, użu ta’ droga, lingwaġġ goff kif ukoll referenzi sesswali u suwiċidali, tajjeb li l-flm jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.