•  ****

    Diretturi:         Rich  Moore u Phil Johnston

    Ilħna:               John C. Reilly, Sarah Silverman, Jack McBrayer, Jane Lynch, Gal Gadot, Taraji P. Henson, Alfred Molina, Alan Tudyk u Ed O’Neill

    Ħin tal-Film:    112 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Sitt snin wara l-ewwel ġrajjiet li seħħew fl-ewwel ġrajja li rajna, ir-rota tal-istering fil-panel li kienet tikkontrolla l-logħba Sugar Rush inqasmet b’riżultat li Mr Litwak ma kellux alternattiva oħra ħlief li jitfi għal kollox il-logħba li wara kollox kienet qdiemet ħafna u ma kinitx daqshekk faċli li ssib il-parti li nkissret, ħlief forsi minn fuq l-internet fl-ebay. Qabel ma Mr Litwak għamel hekk, Ralph u Vanellope, flimkien mar-residenti kollha li kienu jgħixu fil-logħba Sugar Rush, joħorġu ’l barra minn hemm. Talinqas dawk kollha li kienu jagħmlu parti f’din il-logħba baqgħu ħajjin u sabu ruħhom taħt il-ħarsien ta’ Fix-It Felix Jr u s-Surġent Tamora Jean Calhoun. Ralph u Vanellope ma xtaqux jibqgħu hemm u ma jagħmlu xejn. Għalhekk  iddeċiedew li jagħmlu użu minn konnessjoni ġdida tal-Internet li l-arcade kien daħħal dan l-aħħar fi żvilupp ġdid biex jaqla’ il-qadim.

    L-idea hi li Ralph u Vanellope jidħlu għal din l-avventura biex isibu rota oħra biex tieħu post dik li nkissret. Isibu rota simili u li kienet l-aħħar waħda li kien għad baqa’. Fl-irkant, Ralph mingħajr ebda idea ta’ xejn jibda jibbiddja u jtellgħa somma fenominali li żgur ma kellhomx biex iħallsuha għax flus ma kellhomx. Biex jippruvaw itellgħu dik is-somma, sabu logħba tal-ġiri vjolenti ħafna: SlaughterRace.

    Hemm jiltaqgħu ma’ Shank, tfajla u waħda mill-ġerrejja. Vanellope tissaħħar wara din il-logħba li kienet toffri bil-wisq aktar mill-logħba Sugar Rush. Shank issir għaliha bħala oħtha l-kbira. Dan xejn ma għoġob lil Ralph u kellu raġun għaliex Vanellope dehret li moħħha kien iktar fuq il-logħba ġdida milli fuq  ir-relazzjoni tagħha miegħu u wisq inqas lejn il-logħba antika. Fl-avventuri li kienu sabu ruħhom fihom, iltaqgħu ma’ drawwiet, dinji u karattri ġodda bħal algoritmi tal-aħħar moda, Prinċipessi ta’ Disney li flimkien ma’ The Muppets, Star Wars, Animazzjoni ta’ Disney, Komiks ta’ Marvel u karattri ta’ Pixar, komplew iħawdu moħħ Vanellope. X’sejjer jagħmel issa Ralph meta jsib ruħu fid-dinja tal-internet?  X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, komputerizzat/animat, taħt id-direzzjoni ta’ Rich Moore u Phil Johnston u kitba ta’ Johnston u Pamela Ribon. Minħabba li fih xi xeni vjolenti u xi ċajt goff, ikun tajjeb li t-tfal iż-żgħar, ikunu akkumpanjati minn xi adult.