L-Isqof Awżiljarju: Is-salib tal-vjolenza domestika mhuwiex li taċċetta jew tissaporti imma li tieħu azzjoni kontra l-abbuż

Quddiesa mal-vittmi tal-vjolenza domestika u l-istaff ta' Programm Sebħ, Merħba Bik, Għabex, APPOGG u SOAR

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Dar Qalb ta' Ġesù, Santa Venera

    3 ta' Diċembru 2018


    Ir-relazzjonijiet tagħna fil-familja huma importanti ħafna f’ħajjitna għaliex il-familja għandha tkun l-ambjent fejn insibu lil min iħobbna u lil min inħobbu. Il-familja hija l-post fejn għandek tħossok safe u fejn tista’ tkun libera jew liberu taqsam  ħajtek ma’ dawk ta’ madwarek. 

    Għandna ħafna ambjenti bħal dawn f’pajjiżna li fihom issib dak li smajna fis-Salm b’enfasi fuq is-sliem: “Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk”. Imma sfortunatament hawn ambjenti li huma eżatt il-kontra ta’ dak li l-familja għandha tkun: ambjenti fejn m’hemmx sliem, fejn nisa u tfal, u xi drabi anke irġiel, jiġu abbużati, imbeżżgħa, u anke umiljati minn xi membru ieħor tal-familja, kultant anke jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza ħarxa.


    Il-vjolenza fil-familja hi mifruxa

    Il-vjolenza fil-familja hi mifruxa. Hi fost l-agħar vjolenza li wieħed jista' jesperjenza għaliex hija vjolenza mwettqa minn min suppost iħobbok u suppost jipproteġik fid-dar; il-post li suppost huwa l-aktar post fejn għandek protezzjoni f’ħajtek u fejn it-tfal jitgħallmu l-eżempji tajba biex jikbru f’adulti maturi.

    Il-vjolenza fil-familja hija dejjem ħażina u qatt ma tista’ tiġi ġustifikata, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi li wasslu għal-vjolenza. Il-vjolenza tfarrak lill-persuna li tkun qed tiġi attakkata; tkissrilha l-istima tagħha nnifisha; taqtagħha mill-kumplament tal-familja u xi drabi twassal għal mard serju u konsegwenzi koroh.


    L-impenn tal-Knisja

    Għall-Knisja każ wieħed biss bħal dawn hu diġà gravi ħafna u ta’ dispjaċir kbir. Hu għalhekk li l-Knisja hi impenjata bis-sħiħ biex tgħin lil dawk kollha li huma b’xi mod vittmi ta’ vjolenza domestika. Hi trid twassal messaġġ ta’ kuraġġ lil dawn il-vittmi u tgħinhom biex joħorġu minn sitwazzjoni ta’ abbuż, u biex iħarsu ’l quddiem b’determinazzjoni bl-għajnuna ta’ persuni kwalifikati. Nixtieq nuri l-apprezzament tal-Knisja għal tant nies li jaħdmu f’dan il-qasam f’pajjiżna biex jgħinu lill-vittmi b’kull mezz.


    Ir-responsabbiltà li ngħinu lil min qed isofri

    Il-Knisja bla riżervi tistqarr li min jagħmel għemil ta’ vjolenza domestika qed jiżbalja serjament. Għalhekk aħna bħala Nsara mhux biss qatt ma nistgħu nirrikorru għal vjolenza imma għandna r-responsabbiltà li ngħinu lil min qed isofri minn din il-problema billi nagħmlu għemejjel żgħar imma ħafna importanti bħal, pereżempju: ngħaddu informazzjoni dwar fejn tinstab l-għajnuna professjonali, nisimgħu lil min hu mweġġa’, nimxu ma’ min inqata’ minn nies ta’ madwaru u nagħdru lill-persuna mweġġgħa. Il-vjolenza fil-familja tpoġġi dilemmi kbar quddiem persuna li tkun qed tbati u kemm-il darba tieħu ż-żmien sakemm issib il-kuraġġ li tagħmel xi ħaġa dwar il-problema tagħha. Hawn tidħol l-imħabba Nisranija li nwieżnu u nimxu mal-persuna.


    Iġġorr is-salib ifisser li teħodha kontra l-abbuż

    Il-messaġġ li nixtieq inwassal illum hu dak li s-Sinodu Djoċesan ta’ Malta kien enfasizza b’mod ċar: l-abbuż qatt ma għandu jiġi aċċettat jew tollerat (ara dokument tas-Sinodu Żwieġ u Familja, par. 43). Kull sitwazzjoni ta’ abbuż hi sitwazzjoni kerha, kundannabbli bla riserva. Titlob li tittieħed azzjoni f’waqtha.

    Il-vittma ta’ vjolenza domestika veru għandha salib xi ġġorr. Imma s-salib mhux li taċċetta jew tissaporti l-abbuż. Is-salib hu l-ħidma iebsa li trid tagħmel biex teħodha kontra l-abbuż. Iġġorr salibek meta b’determinazzjoni taħdem ħalli tegħleb sitwazzjoni ta’ abbuż. Nixtieq li din nirrepetuha lil kull min b’xi mod jagħti parir lil dawn in-nies biex il-parir mogħti qatt ma jagħmel ħsara imma jkun tassew ta’ ġid.

    Il-profeta Iżaija jgħid: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel”. Il-vjolenza taffaċċjaha mhux bi vjolenza oħra, jew billi tħalliha għaddejja, imma b’azzjoni pożittiva u b’ħidma determinata.


    Nedukaw favur  relazzjonijiet mibnija fuq rispett

    Nixtieq nappella biex ilkoll fil-lokalità tagħna ngħidu ‘le’ għall-vjolenza fil-familja u naħdmu flimkien bħala individwi, għaqdiet u Knisja biex nedukaw favur ħajja u relazzjonijiet mibnija fuq rispett bejn il-koppja, djalogu biex nifhmu punti ta’ vista differenti, sensitività lejn xulxin. Id-dinjità tal-persuna mhijiex ġejja minn kemm inti b’saħħtek u kemm tista’ tbeżża’ imma minn kemm tuża s-saħħa biex twieżen lil dawk l-aktar batuti u tferraħ lil dawk ta’ madwarek.

    Aħna u nirrepetu llum fil-Quddiesa l-kliem taċ-ċenturjun li smajna fl-Evanġelju “Mulej, ma jistħoqqilix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi” u nitolbu l-fejqan li jagħtina, nitolbu lill-Mulej biex hu jiġi fina u jfejjaqna mill-weġgħat tal-ħajja, u fl-istess waqt jimliena bil-kuraġġ ħalli qatt ma nċedu għall-abbuż imma naħdmu bis-sħiħ għar-rispett għad-dinjità ta’ kull persuna.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju