• ***

    Direttur:          Steven Caple Jr

    Atturi:              Sylvester Stallone, Michael B. Jordan, Tessa Thompson, Wood Harris, Phylicia Rashad, Dolph Lundgren,  Andre Ward, Brigette Nielsen u Russell Hornsby

    Ħin tal-Film:   130 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  15

    Tliet snin wara t-telfa ta’ “Pretty” Ricky Conlan, Adonis Creed jirreġistra numru ta’ rebħiet, wahda minnhom fuq Danny “Stuntman” Wheeler. B’din ir-rebħa, Adonis rebaħ il-WBC World Heavyweight Championship. Wara dan is-suċċess, hu jitlob lill-maħbuba tiegħu, Bianca Taylor, biex tiżżewwġu. Bianca taċċetta waqt li tissuġġerixxi li jmorru jgħixu ġewwa Los Angeles. Adonis ma xtaqx li jħalli Philadelphia, il-belt fejn trabba.

    Sadanittant, Ivan Drago, li darba kien ġellied Sovjetiku fil-ibboksjar Sovjetiku, kien dak li qatel lill-missier Adonis, Apollo Creed fi ġlieda tletin sena qabel. Drago ra l-opportunità li jerġa’ jakkwista glorja wara li kien tilef kontra Rocky Balboa ġewwa Moscow billi jitfa’ lit-tifel tiegħu Viktor f’kuntest kontra Adonis. Rocky ma kienx favur li Adonis jaċċetta din-l-isfida u rrifjuta li jgħinu. Adonis li ħassu mqarraq minn Rocky, aċċetta l-isfida u ddeċieda li jmur jgħix f’Los Angeles. Hemm Adonis u Bianca bdew jgħixu f’appartament lussuż qrib Mary Anne Creed,  l-omm adottiva tiegħu u  l-armla ta’ Apollo.  

    Waqt li Bianca ssir taf li hija tqila b’tarbija, Adonis, minflok Rocky, jirrekluta lil Tony ”Little Duke” Evers, iben it-trejner li kellu missieru Apollo. Disappuntat u rrabjat u mhux mħejji tajjeb, Adonis jidħol għall-isfida kontra Viktor u jisfa’ mweġġa’ serjament. Għalkemm żamm it-titlu tal-World Heavyweight Championship għaliex Viktor gie skwalifikat, għax xejn ma kien sportiv, Adonis kien b’ġismu u l-ego tiegħu mfarrka, tant li din effettwat ir-relazzjoni tiegħu ma’ Bianca.

    Mary Anne titlob lil Rocky biex jiġi Los Angeles biex jgħin lil Adonis joħroġ minn din il-qagħda. Rocky jaċċetta u ssir rikonċiljazzjoni bejniethom. Hu wkoll aċċetta li jibda jittrenjah kif inhu xieraq għaliex Viktor Drago, fuq insistenza ta’ missieru Ivan, sfida lil Adonis għal ġlieda ta’ ritorn ġewwa Moscow. Sadanittant, Bianca weldet tifla. Viktor minnaħa tiegħu jkompli jittika lil Adonis għax xtaq ħafna li jiġbor ġieħu. Rocky jieħu lil Adonis fid-deżert ta’ California għal tahrig intensiv. Kollox deher ċar li l-logħba ta’ ritorn kienet sejra tkun iebsa u miġġielda sat-tmiem. X’isir minn hawn?

    Film  Amerikan li jsegwi Creed I li ħareġ fl-2015, taħt id-direzzjoni ta’ Steven Caple Jr u kitba ta’ Sylvester Stallone u Juel Taylor. Minħabba vjolenza fiżika intensiva kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.