•  ***

    Direttur:          Jesse Peretz

    Atturi:              Ethan Hawke, Chris O’Dowd, Rose Byrne, Kitty O’Beirne, Alex Clatworthy, Lily Brazier, Ko Iwagami, Lily Newmark, Denise Gough u Phil Davis

    Ħin tal-Film:    97 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Duncan, ammiratur ossessiv tal-mużika, jirċievi album ‘Juliet, Naked’ mill-artist favorit tiegħu, Tucker Crowe. Annie, ħabiba tiegħu u li kienet tgħix miegħu ġewwa l-Ingilterra,  fetħet hi l-ewwel l-envelop u fil-kwiet qagħdet tisma’ is-CD. Duncan xejn ma ħa pjaċir u rrabbja ħafna l-aktar meta Annie maqdret il-mużika ta’ Tucker. Riżultat ta’ dan, Duncan kiteb reċenzjoni entużjastika fuq il-website li kellu fuq il-kantant. Annie minnaħa tagħha kitbet artiklu b’mod appassjonat,  tikkritika l-mużika ta’ Tucker.  Fi żmien qasir, hi tirċievi e-mail bħala risposta mingħand Tucker innifsu għal dak li kitbet. Minn hawn tibda korrispondenza ta’ e-mails bejn Annie u Tucker, korrispondenza li Annie spiss kienet taħseb fuqha.

    Sadanittant, Tucker li kien jgħix ġewwa Pennsylvania, beda jħejji ruħu għal żjara li bintu Lizzie kienet sejra tagħmillu. Tucker kien għadu qatt ma ltaqa’ ma’ Lizzie. Kellu ħames ulied minn erba’ relazzjonijiet differenti. Jackson iż-żgħir, kien jgħix m’ommu Cat li kienet ħalliet lil Tucker jgħix qribha fil-garaġġ. Lizzie, li kienet tgħix Londra, tistqarr li sejra tagħmel iż-żjara għax tinsab tqila, tistenna tarbija. Sadanittant, Duncan iltaqa’ ma’ Gina, kollega ġdida li wkoll stqarr li raqad magħha. Meta Annie ssir taf, hi tinsisti li joħroġ ‘l barra mid-dar li kien jaqsam magħha. Għalkemm Duncan wera’ dispjaċir, Annie tirrifjuta li tħallih jerġa’ jidħol.

    Sadanittant, Cat, tiksirha ma’ Tucker u għalhekk issa jsib ruħu jieħu ħsieb lil Jackson. Annie biex tinki lil Duncan tpoġġi ritratt ta’ Tucker u ta’ Jackson fuq il-friġġ u tistiednu biex jarahom u tgħidlu li hi kienet f’relazzjoni ma’ Tucker. Annie xejn ma kienet sodisfatta li kienet ħliet tant snin tgħix ma’ Duncan u ma ħareġ xejn minn din ir-relazzjoni. Issa li ssir taf lil Tucker, tgħid jinfetaħ xi bieb għaliha biex fl-aħħar tinġabar ma’ xi ħadd? Tucker minnaħa l-oħra, jkollu jagħmel żjara Londra għax Lizzie tilfet it-tarbija. X’jiġri minn hawn?  Annie kienet tghix l-Ingilterra. Tgħid jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ hekk kif hi ssir taf li kien jinsab l-isptar wara li kien tah attakk f’qalbu?

    Film Brittaniku/Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Nick Hornby u kitba ta’ Eugenia Perez u Jim Taylor, msejjes fuq in-novella miktuba minn Nick Hornby. Minħabba t-tema tal-film u lingwaġġ goff, tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.