Dawl għall-istorja tal-bniedem

Omelija waqt Quddiesa tal-inawgurazzjoni u t-tberik tal-Via Lucis

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun
    2 ta' Diċembru 2018

    Illum hi ġurnata speċjali u ta’ ferħ għal din il-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun bl-inawgurazzjoni tal-Via Lucis. Imma hi wkoll okkażjoni ta’ ferħ għall-Knisja f’Malta. Filwaqt li l-knejjes tista’ tgħid kollha għandhom il-Via Crucis, l-istazzjonijiet li jsegwu l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, din hi l-ewwel knisja f’Malta li qed tinawgura l-Via Lucis – l-14-il stazzjon li jirrakkuntaw l-istorja ta’ Ġesù Kristu ħaj minn wara l-qawmien tiegħu sal-Għid il-Ħamsin.

    Il-Via Lucis għandha storja riċenti. Kien 30 sena ilu, fl-1988, li fi ħdan il-grupp ‘Xhieda tal-Irxoxt’ (Testimoni del Risorto), imwaqqaf minn Padre Sabino Palumbieri, Salesjan, nibtet l-idea ta’ sensiela ta’ stazzjonijiet marbuta mhux mal-mewt ta’ Ġesù, bħalma hi l-Via Crucis, imma mal-qawmien tiegħu u l-ġrajjiet li seħħew wara. Riedu li jkun enfasizzat b’mod aqwa dak li hu pożittiv u ta’ tama fil-ġrajja ta’ Kristu. B’hekk dawk kollha li jemmnu ma jiqfux biss mat-tbatija tal-passjoni li għadda minnha Ġesù, imma jkomplu għaddejjin għall-glorja li fil-fatt tagħti s-sens lit-triq tas-Salib. Ġesù fdiena bil-passjoni u l-mewt imma wkoll bil-qawmien tiegħu.

    Issejħet għalhekk it-triq tad-dawl, għax turi l-mixja li teħodna mis-salib għad-dawl. Hi mixja li tagħti dawl lil ħajjitna għax turina li aħna wkoll imsejħin biex mit-tbatija, li hi parti integrali mill-ħajja, ngħaddu għall-milja tal-ferħ u l-paċi fi Kristu.

    Nixtieq nagħmel dawn it-tliet punti qosra marbuta ma’ din l-okkażjoni sabiħa tal-lum.


    Id-dawl tal-ġnus hu Ġesù
    Kristu ħaj

    Il-Konċilju Vatikan II jfakkarna li Ġesù Kristu hu d-dawl tal-ġnus. Il-Knisja m’hijiex hi d-dawl, hi msejħa biex tirrifletti dan id-dawl li ġej minnu. Hu Ġesù rebbieħ fuq il-mewt li jagħti t-tifsira vera lill-istorja tal-umanità. Il-mewt m’hijiex l-aħħar kelma, id-dnub li wassal għall-passjoni u l-qtil ta’ Ġesù m’huwiex l-aħħar kelma. Ġesù rebaħ il-mewt u d-dnub darba għal dejjem. Għalhekk nistgħu nqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Ġesù Kristu li hu d-dawl tal-ġnus.


    Minn Ġesù nirċievu d-dawl li neħtieġu f’ħajjitna

    Aħna wlied id-dawl. Minn Ġesù nirċievu d-dawl li neħtieġu għal ħajjitna. Ir-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt hi wkoll ir-rebħa tagħna. Meta bagħtilna l-Ispirtu tiegħu fina, tana l-aqwa rigal għal ħajjitna. L-Ispirtu jgħinna biex nagħrfu kif il-kelma ta’ Ġesù tkun dawl għal ħajjitna, kif tgħinna nimxu fit-triq it-tajba, it-triq rebbieħa.

    Hu għalhekk li l-Papa Franġisku jkellimna fuq il-ferħ tal-Evanġelju u fuq kemm hu importanti li aħna jkollna l-ferħ u l-paċi f’qalbna li jagħtina Ġesù rebbieħ, u li jibqgħu fina wkoll fil-mumenti ibsin tal-ħajja. Nistgħu ngħixu bil-ferħ għax aħna wlied id-dawl.

    Nitolbu lill-Mulej biex imexxina dejjem fit-triq tad-dawl.


    Inkunu dawl għall-oħrajn fil-mixja tagħhom fil-ħajja

    Aħna lkoll imsejħin biex inkunu dawl għall-oħrajn fil-mixja tagħhom fil-ħajja. Din hi s-sejħa lilna li aħna dixxipli ta’ Ġesù.

    Ukoll f’ambjent li hu mdallam mill-ħażen, ftit dawl jagħmel id-differenza kollha. Hu d-dawl tat-tama li tant hu meħtieġ illum. Kultant jista’ jiġrilna li aħna stess nittieħdu mill-ambjent ta’ madwarna, inwasslu aħbarijiet ħżiena flok l-aħbar it-tajba, niffokaw fuq dak li hu negattiv flok dak li jagħti t-tama, inxerrdu l-isfiduċja u l-qtigħ ta’ qalb flok l-inkoraġġiment li jiġi mill-fidi tagħna fi Kristu ħaj. Kif jgħid Papa Franġisku, inġibu ruħna qisna nies mirbuħa jew telliefa.

    Imma kif smajna fl-Evanġelju, f’sitwazzjoni ta’ biża’ u ta’ qtigħ il-qalb deskritta minn Ġesù, hu jgħidilna: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.” Ġesù ma jridniex mirbuħa imma rebbieħa.

    Aħna msejħin biex inkunu dawl għall-oħrajn ħa nwassluhom għand Ġesù Kristu ħaj u rebbieħ, is-Salvatur tal-bnedmin kollha. Din hi l-enerġija pożittiva li għandha toħroġ minna li nemmnu fih.


    It-triq tad-dawl

    Nirringrazzja lil din il-parroċċa; lill-kappillan, is-saċerdoti, diversi lajċi li ħadmu biex il-parroċċa jkollha din l-inizjattiva sabiħa. Nixtieqha tkun eżempju għall-komunitajiet tagħna biex dejjem ngħinu lin-nies ħa niltaqgħu ma’ Ġesù Kristu Rxoxt, id-dawl tal-ġnus, u minnu nirċievu d-dawl għal ħajjitna ħalli nkunu nistgħu nwasslu dan id-dawl lill-oħrajn kull jum tal-ħajja tagħna.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju


     
  •  
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti