Aquaman

  • *****                                               

    Direttur:          James Wan

    Atturi:              Jason Momoa, Amber Heard, William Dafoe, Patrick Wilson, Dolph Lundgren, Yahya Abdul-Mateen II u Nicole Kidman

    Ħin tal-Fim:     143 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Aquaman hu l-mexxej ta’ Atlantis u l-oċeani tad-Dinja. Bħala Atlantean għandu saħħa fenominali u veloċità b’ħila li jikkmanda kull forma ta’ ħajja fl-ibħra. Il-fisjoloġija tiegħu tgħinu biex jgħix kemm fuq l-art kif ukoll fl-abbissi fondi tal-oċeani. Magħruf b’żewġ ismijiet: Orin li wirtu minn patrimonju rjali u Arthur Curry bħala uman. Arthur kien it-tifel ta’ Tom Curry, li kien jieħu ħsieb il-fanal tal-port ġewwa Amnesty Bay  u ommu Atlanna, li fis-sodda ta’ mewtha rrivelat lil Arthur li hi kienet ir-Reġina ta’ Atlantis u li xi darba hu kellu jkun li jiret it-tron tas-seba’ ibħriet.

    Sadanittant, Arthur minn tfulitu beda juri ħiliet kbar, b’ħila li jżomm għal ħafna ħin taħt l-ilma u li kellu wkoll il-ħila li jitkellem mal-ħut. Atlanna li kienet sfat eżiljata għaliex ma setgħax ikollha eredi mir-Re Trevis, sabet ruħha fil-bajja feruta fejn hemm bdiet relazzjoni ma’ Tom li rriżultat fit-twelid ta’ Arthur. Atlanna waqt ħolma ġiet iffertilizzata mis-saħħar immortali Atlan li kien ħabbrilha li kien sejjer ikollha tifel u li kellha ssemmih Orin. Habbar ukoll li Orin kien sejjer ikollu ħuh li r-re Trevis intebaħ li ma kienx tiegħu. Sadanittant Orin ġie edukat u mgħallem minn missieru Tom kif għandu jikkontrolla l-qawwiet speċjali li kellu.

    Meta kiber, Orin mar lejn Atlantis fejn hemm sab il-professur Vulko li ħarġu kif għandu jkun Atlantean. Orin ma sabx ħajja faċli f’Atlantis. Hawn beda relazzjoni ma’ Mera, gwerriera u bint ir-Re Nereus u li kienet ġiet imrobbija mir-Reġina Atlanna li ppreparata biex ’l quddiem issir Reġina. Mera kienet tippossiedi qawwiet hydrokentiċi u telepatiċi li setgħet tikkontrolla l-ambjent u tikkomunika ma’ Atlanteani oħra. Sfortunatament iżda Orin sab avversarju f’Orm, il-half brother tiegħu. Orm kien il-kmandant ta’ Atlantis u kien qiegħed jagħmel ħiltu biex jgħaqqad is-saltniet kollha taħt l-ibħra biex b’hekk jiddikjara gwerra kontra l-umanità li kienet tgħix f’wiċċ id-dinja u li kienet qegħda tniġġes l-ibħra. X’sejjer jagħmel Orin meta jsib ruħu f’din il-qagħda perikoluża li jekk isseħħ kienet tfisser it-tmiem tal-ħajja fuq l-art?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, mimli azzjoni, msejjes fuq il-karattru tad-DC Komiks bl-istess isem. Hu taħt id-direzzjoni ta’ James Wan u kitba ta’ David Leslie Johnson-McGoldrick u Bill Beall.  Minħabba vjolenza kif ukoll xi kliem goff, tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.