The Possession of Hannah Grace

  • ***

    Direttur:          Diederik Van Roojien

    Atturi:              Shay Mitchell, Stana Katic, Grey Damon, Kirby Johnson, Nick Thune, Louis Harthum, Jacob Ming-Trent u  Max McNamara

    Ħin tal-Film:     86 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA  TAĊ-ĊENSURA:                15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Fil-bidu tal-film mill-ewwel jurina xeni tal-biża’ waqt ċerimonja ta’ eżorċiżmu li x-xitan deher determinat li jeqred lil Hannah Grace meta daħal fiha u ppossediha. Kien għal xejn li żewġ saċerdoti ppruvaw jagħmlu dak kollu li l-Knisja toffri f’dawn il-każijiet. Wieħed mis-saċerdoti spiċċa ħażin. Gringer Grace, missier Hannah meta ra hekk, b’imħadda jifga lit-tifla tiegħu biex mhux biss jeħlisha minn din it-tortura tal-biża’, iżda wkoll isalva l-ħajja tas-saċerdot l-ieħor.

    Xi ġimgħat wara dan il-każ, il-ġisem bla ħajja u nofsu maħruq u ma jingħarafx ta’ Hannah, jinġieb  ġewwa l-kamra mortwarja tal-isptar wara li nstab abbandunat f’masġar. Megan Reed kienet tieħu ħsieb din il-kamra mortwarja wara esperjenza qarsa li kellha bħala pulizija, u sabet xogħol ieħor inqas impenjattiv. Megan fil-fatt kienet qegħda taħt kura minħabba attakki ta’ paniku li kien ikollha wara l-inċident li kellha fuq ix-xogħol bħala pulizija, fejn kienet tat tort lilha nfisha meta qatlet bi żball is-sieħeb tagħha. F’din il-kamra mortwarja, xogħolha kien waqt ix-xift ta’ bil-lejl, tieħu ħsieb il-post u jekk jidħol xi katavru kellha tieħu ritratti tal-mejjet/mejta u anke l-marki tas-swaba.

    Kollox deher kwiet f’dik il-lejla, sakemm inġieb il-katavru ta’ Hannah Grace. Meta Megan bdiet tieħu r-ritratti  u anke l-marki tas-swaba, mill-ewwel intebħet li kien hemm xi ħaġa misterjuża  f’dan il-katavru ta’ din it-tfajla fosthom li waħda mill-idejn kienet f’qagħda ta’ dekompożizzjoni u f’għonqha u fiż-żaqq kien hemm tiċrit fond. Nofs wiċċ il-mejta wkoll kien sfigurat u għajn waħda miftuħa kienet sorprendentament tleqq bħal żaffir. Meta Megan ppruvat tieħu riżultat tal-marki tas-swaba, dawn ma kienu jaqblu ma ta’ ħadd. X’jiġri meta dan il-katavru jibda juri sinjali ta’ ħajja u jibda jattakka persuni li nzertaw jżuru l-post fosthom Lisa Roberts, infermiera u ħabiba ta’ Megan, Randy, EMT u ħabib ukoll ta’ Megan u Dave, għassies ta’ sigurtà u li kien infatwat wara Megan. X’sejra tkun ir-reazzjoni ta’ Megan meta ssib ruħha f’din il-qagħda tal-biża’ fejn kien jidher biċ-ċar li l-katavru ta’ Hannah kien għadu ppossedut?

    Film Amerikan, mimli biża’ u tensjoni fuq is-sopranaturali, taħt id-direzzjoni ta’ Diederik Van Rooijien u kitba ta’  Brian Sieve. Minħabba t-tema tal-okkult, vjolenza mdemmija kif ukoll tortura, imaġini tal-biża’ u kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.