Il-Knisja u l-Gvern għandhom joħolqu xibka ta’ solidarjetà man-nisa - L-Arċisqof lill-Prim Ministru

Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-Prim Ministru u l-Kabinett fil-bdil tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida

  • Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta
    20 ta’ Diċembru 2018


    Illum hija waħda minn dawk l-okkażjonijiet fejn nagħtu l-awgurju mhux biss tas-sena l-ġdida imma ta’ Milied qaddis. Nispera li dawn l-okkażjonijiet iservu wkoll biex il-kuntatt uman tagħna jikber. Nirringrazzjak ħafna ta’ dak kollu li inti, il-gvern li inti tmexxi u l-kabinett li huwa rrappreżentat hawnhekk tagħmlu f’dan l-ambjent ta’ koperazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat. Aħna għandna d-dover li nirrispettaw l-awtonomija u s-sovranità tal-Istat fl-oqsma li l-kostituzzjoni tassigura lil kulħadd. U nħossu li peress li qed naqdu lill-istess poplu, huwa d-dover tagħna li nikkoperaw mal-Istat u  mal-Gvern li l-poplu jkun għażel. Inħossu li l-istabbiltà politika hija essenzjali. Inħossu wkoll li l-progress ekonomiku li qed igawdi dan il-pajjiż huwa wkoll frott il-viżjoni u l-għaqal tal-Gvern u opportunità biex jitkattar il-ġdid u tikber ukoll is-solidarjetà. Bħalma tħobb tgħid inti: ‘Jekk aħna għandna minn fejn inqassmu allura se jgawdu iżjed nies’. Huwa fatt li l-progress joħloq faqar ġdid. Ġesu stess qal li se jkollna l-foqra dejjem magħna, jiġifieri tagħmel x’tagħmel il-progress se joħloq tipi ġodda ta’ faqar. Imma dik hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li aħna nieħdu ħsieb biex ħadd ma jitħalla lura u hija xi ħaġa li l-Gvern isostniha u jiena nixtieq nassiguralu tas-sapport tal-Knisja f’Malta biex dan iseħħ permezz tal-entitajiet tal-Knisja, b’mod speċjali tal-Caritas li tikkopera ħafna mal-Gvern u tgawdi l-fiduċja tal-Istat u dan aħna napprezzawh ħafna.


    Is-saħħa mentali u l-irwol tan-nisa

    Prim Ministru, inti semmejt żewġ aspetti importanti ħafna: il-kwistjoni tas-saħħa mentali u l-irwol tan-nisa. Nixtieq nagħmel reazzjoni żgħira fuq dak li għedt inti u nħoss li l-fatt li aħna nibdew inħarsu lejn il-kiwstjoni tas-saħħa mentali bħala mainstream u m’għandix tibqa’ tabù imma għandna bżonn nieħdu ħsiebha. Illum il-mediċina, il-psikjatrija u l-psikoloġija tant avvanzaw li aħna nistgħu ngħinu ħafna nies jintegraw ruħhom fis-soċjetà u jkollhom ħajja qrib ħafna n-normalità. Jiena nħoss li din hi xi ħaġa ta’ min jinkoraġġiha. Nifhem ukoll li l-kura residenzjali ma tistax taqtagħha għalkollox; l-Italja ppruvaw dan l-esperiment imma ma rnexxiex u kien hemm ħafna traġedji ta’ nies li fil-komunità ma setgħux jintegraw ruħhom anke għaliex ħafna drabi kienu tant istituzzjonalizzati li ma setgħux ikollhom l-awtonomija li wieħed jixtieq. Nifhmu wkoll li l-Isptar Monte Karmeli nbena fuq pjanta antikissma u li m’għadhiex adattata għas-sitwazzjonijiet tal-lum. Fil-fatt interessanti l-pjanta ta’ Monte Karmeli tixbah ħafna lill-pjanta tal-Faċilità Korettiva ta’ Kordin għaliex is-sistema ta’ kontroll hija l-istess u din tgħid ħafna fuq il-mentalità taż-żewġ istituzzjonijiet. Il-binja tal-isptar hija problematika wkoll fiha nnifisha.

    Inti semmejt il-kwistjoni tar-rwol tan-nisa. Waqt il-Quddiesa fl-okkażjoni tal-150 sena tas-Sorijiet tal-Karità f’Malta, tkellimt fuq il-leadership tan-nisa fil-qasam soċjali f’Malta u fid-dinja, il-Knisja, permezz ta’ kongregazzjonijiet femminili kienet pijuniera f’ħafna oqsma fejn kien hemm bżonn azzjoni soċjali għaliex il-gverinijiet ta’ dak iż-żmien ma kinux lesti jieħdu ħsieb dak it-tip ta’ faqar. Dan juri li l-Knisja għandha storja glorjuża ta’ leadership u inizjattivi tan-nisa li taw ħajjithom għall-poplu, anke fil-konsagrazzjoni reliġjuża. Illum qed tiżviluppa iżjed preżenza femminili f’oqsma soċjali bħal pereżempju għandna ħafna missjunarji lajċi li huma nisa.


    Solidarjetà man-nisa li t-tqala tfisser piż

    Fuq ix-xefaq tal-aġenda politika jidher li ’l quddiem ser ikollna d-dibattitu fuq il-kwistjoni tal-abort. Jiena naħseb li kull dibattitu ma jistax jiġi eskluż a priori . Wieħed irid jidħol fih b’sens ta’ djalogu ġenwin imma jiena nħoss li l-Knisja, li għandha kelma ċara fuq id-dritt tal-ħajja, trid ukoll b’koperazzjoni mal-Gvern, toħloq xibka ta’ solidarjetà ma’ nisa li jinsabu f’diffikultajiet soċjali jew psikoloġiċi u li għalihom it-tqala ssir piż insapportabbli. Jekk il-kelma tal-Knisja ma jkollhiex ukoll din ix-xibka konkreta ta’ sapport se tkun kelma li mhijiex kredibbli biżżejjed. Jien interessat ħafna li anke bl-għajnuna ta’ aġenti soċjali oħrajn u bl-għajnuna tal-Gvern u anke bl-għajnuna tal-ministeru tal-Onor. Dalli, aħna noħloqu xibka ta’ solidarjetà man-nisa li mhux biżżejjed tgħidilhom salva t-tarbija imma lil din il-mara li m’għandhiex sapport u għandha tensjoni u pressure psikoloġika kbira, min ser jgħinha? Jiġifieri aħna rridu nkunu soċjetà ta’ solidarjetà fejn il-kelma favur il-ħajja, anke meta hija diffiċli, tkun kredibbli. Jiena naħseb li b’atteġġjament pożittiv u djaloganti imma anke ta’ solidarjetà nistgħu nassiguraw li d-dritt tal-ħajja ma jkunx biss xi ħaġa sabiħa fil-Kostituzzjoni imma jkun ukoll xi ħaġa konkreta u xibka ta’ solidarjetà bejnietna u fl-istess ħin nirrispetaw lil xulxin għaliex ħafna drabi, ċertu kliem iebes li nużaw fil-konfront ta’ xulxin diġà joħloq aggressività li nistghu ngħixu mingħajrha.


    Il-Kostituzzjoni u x-xena internazzjonali

    Punt ieħor li xtaqt ngħaddi hu li jien għadni ma qrajtx il-kummentarju li għamlu fuq is-sitwazzjoni kostituzzjonali tagħna l-esperti tal-Venice Commission, jiġifieri għalissa m’iniex kapaċi nitkellem fuqha. Imma l-ewwel nett nirringrazzja lill-Gvern li mill-ewwel aċċetta dan il-proċess ta’ dixxerniment u analiżi tal-istituzzjonijiet tagħna, u allura hemm id-disponibbiltà li wieħed jaħdem biex ikollna istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet ta’ kulħadd. Inħoss li anke l-Knisja għandha tagħti wkoll kontribut djaloganti biex jekk ’il quddiem ikun hemm riforma tal-Kostituzzjoni aħna jkollna soċjetà demokratika fejn kulħadd għandu il-post tiegħu anke jekk ikun membru ta’ minoranza. Inħoss li għalkemm il-kostituzzjoni tagħna tirrikonoxxi x’inhi l-kultura tagħna, u din tagħtiha garanzija, naħseb li dan huwa mument importanti għalina l-Maltin u l-Għawdxin li m’għandniex nitilfu.

    Fuq nota personali nirringrazzjak tal-leadership li turi fuq il-qasam internazjonali u ninnota r-reazzjoni li jkollhom il-mexxejja l-oħra għal dak li tgħid u għal dak li tagħmel biex kemm jista’ jkun fl-Ewropa jkun hawn ċertu armonija. Inħoss li anke permezz tiegħek we manage to push  beyond our need. Prosit ta’ din il-ħaġa. Jiena mħasseb ftit fuq il-Brexit, speċjalment għal pajjiż li jiena tgħallimt nammira għaliex they are in a hole and they keep digging, ma nistax nifhem. Naħseb li dak li qed jgħid il-Gvern Malti huwa importanti ħafna għaliex aħna kif tħobb tgħid inti wkoll Onor. Prim Ministru: ‘Aħna alleati naturali tal-Gran Brettanja’. Ninkwieta jekk ikun hemm in-no-deal Brexit kif x’aktarx ser ikun hemm.

    Nagħlaq b’dan il-kumment. F’ħin minnhom xi ħadd qalli li jien part-time, u ħa ngħidhielek qabel ma taqraha, għedtilhom li l-Prim Ministru jkun barra minn Malta iktar milli nkun jien u ħadd ma jgħid li hu part-time!

    Onor. Prim MInistru, nawgura lilek u lill-membri kollha tal-kabinett anke min ma setax jiġi. Jiena nħobb ngħid: 'Jalla l-ġid, kull ġid u barka,' għaliex meta jkun hemm il-ġid ikollok xi tqassam.


    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta


     
  •