Il-Parlament għandu jikkunsidra l-possibbiltà ta' vot sigriet - L-Arċisqof lill-Ispeaker

Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fil-bdil tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida

  • Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta
    20 ta’ Diċembru 2018


    L-ewwel nett nirringrazzjak ħafna, President tal-Parlament Mr Speaker, taż-żjara ġentili tiegħek u anke tal-delegazzjoni tal-membri parlamentari. Jiena għadni ma qrajtx dak li qalet il-Venice Commission u kif għedt lill-Prim Ministru, jiena ħerqan li l-Knisja tidħol fi djalogu mal-istituzzjonijiet tal-pajjiż biex l-istituzzjonijiet stess ikunu garanzija vera tad-demokrazija.

    Aħna għandna passat kolonjali qawwi u rridu nammettu wkoll li l-Kostituzzjoni tagħna baqgħet marbuta ma’ ambjent kolonjali qawwi u li issa għadda ż-żmien u għalhekk il-konċentrazzjoni tal-poter f’idejn il-Prim Ministru—li qabel kien il-Gvernatur Ġenerali—naħseb irid jiġi verament rivedut. Il-Parlament se jkollu rwol qawwi ħafna fid-dibattitu dwar il-Kostituzzjoni. Inħoss li veru l-Kostituzzjoni tar-Repubblika għandha tibqa’ sostnuta f’dawk li huma d-drittijiet fundamentali tal-bniedem imma għandha tkun ukoll garanzija ta’ istituzzjonijiet demokratiċi li jaħdmu tassew. Inħoss li f’dan id-dibattitu l-Knisja għandha wkoll rwol li huwa fundamentali għall-ġid komuni.


    Dibattitu miftuħ, ħieles u rispettuż

    Jiena nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Parlament u nawguralu li jibqa’ dak il-forum fejn id-dibattitu jkun miftuħ u ħieles u rispettuż kemm lejn Alla kif ukoll lejn il-proxxmu tagħna. Nixtieq li jkun ambjent fejn il-liġijiet jiġu deċiżi propju fil-qalb tal-bniedem u bl-ebda kwalifika ta’ interess ieħor għaliex inkella l-Parlament ikun biss, biex ngħidu hekk, parodija ta’ dak li suppost ikun.

    Ippermettuli nwassal suġġeriment. Naf li fil-liġi aħna m’għandniex din il-possibiltà, imma l-Parlament jagħmel il-liġijiet u la jista’ jiddiskuti, forsi ’l quddiem ikun hemm ukoll il-possibbiltà ta’ vot sigriet li bħalissa m’għandniex. M’għandniex il-possibiltà ta’ vot sigriet għaliex il-Parlament iddeċieda li ma jkollniex. Naħseb li fuq ċertu kwistjonijiet fejn il-kuxjenza tal-bniedem għandha jkollha il-primat assolut, dak li jkun għandu jkollu l-libertà jimxi skont il-kuxjenza tiegħu u jkollna voti li mhumiex bilfors marbutin mal-whips. Għandna ħafna sistema qawwija tal-whips u dik writnieha wkoll mill-Ingilterra u b’xi mod tispiċċa li l-Parlament isir déjà vu.


    L-awtonomija tal-Parlament

    Tista’ tgħid li l-leġiżlatura tkun taf eżatt x’se tagħmel għaliex il-Gvern se jmexxi dak kollu li jrid u forsi din tgħin l-istabbiltà politika tal-pajjiż. Imma nistaqsi: il-Parlament huwa sempliċement ir-rubber stamp tal-Eżekuttiv? Din hija xi ħaġa li hemm bżonn li wieħed jirrifletti ħafna fuqha. U hija xi ħaġa li nħoss li hija parti mill-vera demokrazija. Il-Parlament għandu dritt ukoll ukoll ikollu risposti meta fil-ħin tal-mistoqsijiet lill-Eżekuttiv isejjaħlu għall-kontabbilità, il-Parlament ikollu r-risposti neċessarji. 

    Kultant ninnota tattiċi fejn l-Eżekuttiv inħossu ma jirrispettax biżżejjed l-awtonomija tal-Parlament u din hemm bżonn li wieħed jaħdem fuqha biex il-Parlament li jirrapreżenta lill-poplu kollu bl-isfaċċjaturi kollha tiegħu, ikollu risposti neċessarji. Mhux aċċettabbli li l-Parlament jirċievi kuntratti li jkun daħal fihom l-Eżekuttiv li jkunu mmarkati nofshom bl-iswed. Din mhijiex dinjità la lejn il-Parlament lanqas lejn il-poplu Malti. Ma naħsibx li huma l-interessi ekonomiċi u t-trade confidentiality li għandhom ikunu motiv biex il-Parlament ma jkunx jista’ jagħmel l-istrutturi li għandu bżonn jagħmel.

    Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja ħafna lill-Parlament talli fid-dibattiti li jkun hemm u fix-xogħol qawwi tal-kumitati, ikun hemm l-opportunità li anke l-Knisja issemma leħinha. Nirringrazzjak ħafna tad-disponibbiltà li inti taċċetta tippreżenta d-dokumenti tal-Maġisteru lill-Kamra.

    Nawguralkom xogħol siewi u xogħol fejjiedi biex il-poplu jkollu l-governanza li jixraqlu. Nawguralkom ħafna! Din is-sena dawn l-awguri qed nagħtuhom lil xulxin qabel il-Milied, mhux biss qabel l-aħħar tas-sena imma qabel il-Milied. Nawguralkom ħafna Milied hieni u l-awgurju tiegħi huwa li dan l-istaġun ta’ solidarjetà jinħass f’kull ambjent. Mr Speaker, nirringrazzjak ħafna talli kull sena qiegħed tospita l-wirja tal-arti li mbagħad tmur b’risq id-Dar tal-Providenza. Dan huwa sinjal konkret tas-solidarjetà li joffri anke l-Parlament tagħna b’mod speċjali fil-persuna tiegħek. Grazzi ħafna.

    Nixtieq nippreżentalek it-tielet volum tad-diskorsi tiegħi. Fil-ktieb hemm QR codes li tista’ tpoġġihom fuq l-iscanner tal-ismartphone biex jekk tkun tista’ tara u tisma’ wkoll lill-Arċisqof, għax mhux biżżejjed tkun qrajt il-ktieb, imma jekk ikollok il-paċenzja u x-xewqa, tkun tista’ tissodisfaha. Nawguralkom sena ġdida.


    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta


     
  • Ritratt: knisja.mt/ritratti