L-irwol tal-Oppożizzjoni f'pajjiż demokratiku - L-Arċisqof lill-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-bdil tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida

  • Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta
    20 ta’ Diċembru 2018

    Nirringrazzjak ħafna Dr Delia tal-kliem ġentili tiegħek u anke nagħtik l-awguri għall-Milied u għas-Sena l-Ġdida anke għaliex din se tkun sena movimenta wkoll. Lill-Prim Ministru għedtlu li jien ippreokkupat ftit bil-kwistjoni tal-Brexit u l-impatt kemm fuq il-Gran Brittanja u forsi anke fuq l-Ewropa, speċjalment jekk ikun hemm l-hekk imsejjaħ no-deal Brexit għaliex imbagħad jibda staġun ta’ inċertezza kbira f’diversi affarijiet fosthom minħabba l-konnessjoni storika tagħna, u l-istorja tagħna konnessa ħafna miegħu.


    Ħidma favur id-demokrazija

    Nawguralek ukoll fil-ħidma mhux faċli li għandek kemm fil-partit kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż u nħoss li għandna bżonn li l-poplu jkollu Oppożizzjoni b’saħħitha bħala garanzija tad-demokrazija u allura hemm bżonn li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ikunu ambjent fejn il-poplu kollu jħossu protett u dan huwa, naħseb jien, rwol importanti ħafna tal-Oppożizzjoni.

    Il-Knisja hija impenjata biex fis-soċjetà tkun preżenza ħajja ta’ solidarjetà u tapprezza kull għajnuna li jkollha mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Jiena nixtieq li fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ istituzzjoni importanti fil-pajjiż bħalma hu l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Kostituzzjoni tagħna, nirringrazzja lill-poplu Malti kollu tal-ġenerożità li juri ma’ aġenziji ta’ karità bħall-Caritas, id-Dar tal-Providenza, id-djar tal-anzjani li għandna, id-djar tat-tfal, u tant aġenżiji oħra.


    Koperazzjoni dwar is-saħħa mentali u l-irwol tan-nisa

    Mal-Prim Ministru tkellimna fuq il-kwistjoni tas-saħħa mentali għaliex kien diskors li introduċa hu stess u aħna lesti li nikkoperaw mal-Istat f’dan il-qasam essenzjali biex anke kwistjoni bħama hi s-saħħa mentali tkunu main stream, ma tibqax tabù jekk inkella li jeskluduk mis-soċjetà.

    Barra minn hekk tkellimna anke fuq ir-rwol tal-mara. Dawn huma żewġ affarijiet li semma l-Prim Ministru u li aħna lesti nissapportjaw kull inizjattiva biex anke r-rwol tan-nisa ikun valorizzat. Aħna ġejjin minn tradizzjoni fejn in-nisa kienu fuq quddiem fl-opri tal-karità u fl-edukazzjoni. Għandna nisa li taw ħajjithom fil-kongregazzjonijiet reliġjużi bla ma ħarsu lejn interessi personali; li l-istint femminili u matern tagħhom użawh favur il-poplu u l-fqir, u dawn huma l-glorja tal-Knisja.  Urew leadership u anke professjoni qawwija u nħossu li din l-esperjenza hija ta’ eżempju sabiħ. Meta kellimt lis-Sorijiet tal-Karita meta għalqu 150 sena preżenti hawn Malta, irringrazzjajthom ta’ din il-preżenza sabiħa għax huma kienu dejjem protagonisti fl-oqsma tal-pajjiż fejn kien hemm il-veru faqar. Pereżempju llum qegħdin preżenti anke fejn hemm ir-realtà ta’ nisa li huma msawta jew inkella nisa anke li daħlu fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni.


    Il-ħarsien tal-ħajja mit-tnissil sal-mewt

    Mal-Prim Ministru tkellimt ukoll u nixtieq anke nsemmiha miegħek, Onor Dr Delia, il-kwistjoni tal-promozzjoni tad-dritt fundamenti tal-ħajja. Il-Knisja hija lesta li tidħol f’dibattitu għall-ġid komuni imma nħossu li apparti mid-diskors tagħna, irid ikun hemm sforz komuni biex nisa li jkunu f’sitwazzjonijiet diffiċli fejn iħossuha diffiċli wkoll ikomplu bit-tqala tagħhom, aħna ngħinuhom biex jirrispettaw id-dritt għall-ħajja u ma jħossuhomx weħidhom. Aħna rridu nippromwovu l-ħajja mhux billi nikkundannaw imma billi nippromwovu anke solidarjetà u għajnuna ma’ min qed iħossha diffiċli biex iġorr ir-responsabbiltajiet li għandu. Allura mhix kwistjoni li nikkundannaw lil ħadd imma li propju nnewlu l-id tas-solidarjetà, tal-mogħdrija u anke tal-preżenza tagħna biex nippromwovu l-ħajja f’kull qasam tagħha. Dan bħalma għamilna pereżempju fil-każ tat-tmiem tal-ħajja b’sapport konkret lill-Hospice Movement li tajnihom villa kbira biex huma jkunu jistgħu jbiddluha f’residenza għal rimedji u għal terapija paljattiva li twassal lil dak li jkun biex jgħix il-ġranet lejn it-tmiem ta’ ħajtu b’dinjità. Hekk ukoll inħoss li aħna nixtiequ nippromwovu anke l-ħajja mit-tnissil tagħha u speċjalment il-ħajja fil-ġuf, anke billi nipproteġu lin-nisa vulnerabbli li qed iħossuhom f’diffikultajiet.

    F’dawn l-inizzjattivi napprezzaw ħafna s-sapport tal-Oppożizzjoni u anke tal-Partit Nazzjonalista li inti l-Kap tiegħu u nawguralek ħafna anke għas-sena d-dieħla li hija sena wkoll ta’ sfida u nwegħduk it-talb tagħna.

    Ippermettili nippreżentalek it-tielet ktieb tal-omeliji tiegħi, pjuttost volum oħxon. Hemm teknoloġija ġdida li inti jkollok il-QR code li jekk tiddejaq taqrani tkun tista’ tismagħni wkoll. Nawguralek ħafna u niltaqgħu llejla għal ‘Milied Flimkien’. 


    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta


     
  •