Il-Milied jgħallimna ngħożżu l-ħajja bl-imħabba

Omelija waqt il-Quddiesa ta' Nofsillejl

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Balzan
    24 ta' Diċembru 2018

    ‘Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba’ hu l-motto li għażilt biex ikun ta’ ispirazzjoni għall-ministeru episkopali tiegħi. Jien u nħares lejn il-ġrajja tal-Milied irrakkuntata minn San Luqa nara b’mod sabiħ l-istampa ta’ kif ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. Nixtieq li llejla nirriflettu fuq dawn iż-żewġ punti partikolari: l-għożża tal-ħajja u l-festa ta’ mħabba.


    L-għożża tal-ħajja

    Marija u Ġużeppi qegħdin iħarsu lejn it-tarbija u qed jgħożżu din il-ħajja ġdida. Nafu kemm kellhom diffikultajiet biex isibu fejn tista’ titwieled din it-tarbija. Diversi għalqulhom il-bieb – “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda”. Imbagħad sabu għar u hemm twieldet it-tarbija li ġiet imfisqija f’maxtura.

    Minn dakinhar tat-tnissil, Marija kellha mhux ftit ċelloli li aktar tard saru Ġesù, imma kellha lil Ġesù.

    It-tarbija kienet milqugħa minn Marija u Ġużeppi b’ferħ meta twieldet. Imma t-tarbija kienet ilha milqugħa minnhom – minn dakinhar tat-tnissil. Meta l-anġlu qal lil Marija li se jkollha iben, u hi aċċettat, dakinhar tnisslet f’Marija din il-ħajja ġdida. Għalhekk il-kwadru titulari tal-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan juri lill-anġlu għarkupptejh quddiem Marija, iqim il-ħajja ġdida li tnisslet. Minn dakinhar tat-tnissil, Marija kellha mhux ftit ċelloli li aktar tard saru Ġesù, imma kellha lil Ġesù. Hu mat-tnissil li l-Iben ta’ Alla sar bniedem, u mat-twelid li rajna din it-tarbija fostna.

    Għalhekk il-Milied jgħallimna ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, u nkomplu ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha sat-tmiem naturali. Il-ħajja għandha tkun dejjem rispettata. Ma hemmx eċċezzjonijiet f’dan. Hi rigal li tana Alla biex inħarsuha u nipproteġuha.


    Festa ta’ mħabba

    Il-Milied hi festa ta’ mħabba. Fiċ-ċentru hemm l-ikbar storja ta’ mħabba: Alla li sar bniedem u twieled wieħed minna għax iħobbna, biex jifdina u jagħtina l-ħajja. Jien u nħares lejn din il-ġrajja niftakar f’dak li qal Ġesù lil Nikodemu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann (3:16): “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.” Hekk ħabb lid-dinja.

    Madwar it-tarbija hemm Marija u Ġużeppi li laqgħu din l-imħabba ta’ Alla u dawru lil din it-tarbija b’imħabba sħiħa. Diversi nies ma kellhomx post għal din it-tarbija, imma Marija u Ġużeppi għamlulha l-aħjar post għax kellhom qalb mimlija mħabba. Hi din l-imħabba ħierġa mill-għar ta’ Betlem li mbagħad tasal għand ir-ragħajja u timliehom b’ferħ kbir. Hi din l-imħabba li ġġib il-paċi fost il-bnedmin ta’ rieda tajba.

    Is-suċċessi li jista’ jkollna fil-ħajja jagħtu soddisfazzjon ... imma hi l-imħabba li verament timla l-qalb u tagħti s-sens veru tal-ħajja.

    Dan hu messaġġ tassew f’waqtu għalina: li fil-ħajja aħna lkoll maħbuba minn Alla u msejħin biex ngħixu din l-imħabba tiegħu mal-oħrajn. Meta nħobbu u nkunu maħbuba, qegħdin induqu xi ħaġa minn din l-imħabba tiegħu. Dak hu l-aqwa fil-ħajja u dak hu li jibqa’.  Is-suċċessi li jista’ jkollna fil-ħajja jagħtu soddisfazzjon, u dan hu importanti, imma hi l-imħabba li verament timla l-qalb u tagħti s-sens veru tal-ħajja.

    Aħna lkoll imsejħin biex nilqgħu din l-imħabba ta’ Alla u naqsmuha mal-oħrajn. Speċjalment ma’ min għaddej minn tbatija, bħalma hi t-tbatija tas-solitudni; ma’ min fil-ħajja sab il-bibien magħluqa bħalma sabuhom Marija u Ġużeppi meta ġew biex jitwieled Ġesù; ma’ min jixtieq xi ħadd li jisimgħu u li jurih l-imħabba. Għal xi nies bħal dawn, fil-festa tal-Milied it-tbatija tkun ikbar. Is-sejħa lilna hi li nieqfu ma’ dawn in-nies u nwasslulhom il-ferħ tal-imħabba.

    Nitolbu lill-Ġesù Bambin biex ikompli jgħallimna kif ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju