L-Evanġelju tal-jum: 8 ta' Jannar

  • Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: 1 Ġw 4, 7-10
    Salm: 71 (72), 2.3-4ab.7-8

    L-Evanġelju: Mk 6, 34-44

  • F’dak iż-żmien, xħin niżel l-art mid-dgħajsa Ġesù ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

    Meta kien sar il-ħin ġmielu, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu: “Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin. Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu”. Iżda hu weġibhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “U aħna se mmorru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?”. Imbagħad staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż? Morru araw”. Meta saru jafu, qalulu: “Ħamsa, u żewġ ħutiet”.

    Imbagħad ordnalhom iqiegħdu lil kulħadd bilqiegħda, ġemgħa ġemgħa, fuq il-ħaxix aħdar. U n-nies inxteħtet fl-art mija mija, u ħamsin ħamsin. Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet, u ta l-kisriet lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies quddiemhom, u qasam ukoll iż-żewġ ħutiet bejniethom ilkoll. U kulħadd kiel u xaba’. U ġabru l-bċejjeċ li fadal mill-ħobż u l-ħut u mlew tnax-il qoffa; u kienu ħamest elef raġel dawk li kielu mill-ħobż!