Omm għażiża

Omelija waqt Quddiesa fis-Solennità ta' Marija Omm Alla

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     
  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Balzan
    1 ta' Jannar 2019

    Il-fatt li fl-ewwel jum ta’ din is-sena l-ġdida qegħdin miġburin hawnhekk fil-knisja juri li aħna nixtiequ nitolbu lill-Mulej il-barka tiegħu għal din is-sena għax nagħrfu li hu bis-saħħa u bl-għajnuna tiegħu li nistgħu ngħixu sena tajba. Hu minnu li jiġina kull ġid.

    F’dan l-ewwel jum tas-sena, mad-dinja kollha l-Knisja tiċċelebra s-solennità ta’ Marija Omm Alla. Qisu hemm marbut ma’ din il-ġurnata dan il-messaġġ: jekk tridu sena tajba, ħarsu lejn Marija, ħudu minnha l-ispirazzjoni, u qiegħdu din is-sena taħt il-protezzjoni tagħha.

    Nifhmu s-sabiħ ta’ din il-festa llum meta narawha f’rabta mal-ġrajja tal-Milied ta’ ġimgħa ilu. Fil-Milied, rajna li l-Iben ta’ Alla sar bniedem u twieled bħala tarbija fostna, wieħed minna. Fil-festa tal-lum, niftakru li dak li seħħ sar permezz ta’ Marija għax aċċettat l-istedina li għamlilha l-Mulej u saret Omm Ġesù, u għalhekk Omm Alla.

    Nixtieq insemmi żewġ messaġġi partikulari li din il-festa ta’ Marija Omm Alla tagħtina u li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalina matul is-sena li qed nibdew.


    Omm il-ħajja

    Marija Omm Alla hi ċelebrazzjoni tal-ħajja. Kull fejn hemm il-maternità, hemm ħajja ġdida. Marija Omm hi Marija li tgħożż il-ħajja, li tipproteġi l-ħajja, li tagħti l-ħajja. Hi welldet lill-awtur tal-ħajja. Omm Alla tfisser li Alla sar bniedem “minn mara” (Gal 4:4) u b’dan il-mod, sa mill-ewwel mument tat-tnissil, qaddes il-ħajja tal-bniedem.

    Il-messaġġ importanti f’din il-festa hi li l-ħajja hi għażiża u prezzjuża dejjem. Bħal Marija aħna msejħin biex inħarsuha u nipproteġuha f’kull waqt tagħha. Kemm il-ħajja tagħna kif ukoll ta’ ħaddieħor.

    Dan hu impenn li matul din is-sena tajjeb inġeddu kuljum. It-talba tagħna tkun biex il-Mulej jgħinna ngħożżu u nipproteġu l-ħajja tagħna u ta’ ħaddieħor. Nitolbu li jibqa’ jkun mistkerrah il-qtil ta’ ħajja umana, anke meta mgħotti minn tip ta’ lingwaġġ ieħor li jevita l-kelma ‘qtil’ biex ma tinstemax daqshekk kerha imma xorta jfisser li qed iġġib fix-xejn ħajja umana. Omm il-ħajja tagħtina l-għajnuna fil-ħarsien tal-ħajja.


    Omm li laqgħet lil Alla

    Marija hi Omm Alla għax ikkoperat miegħu bis-sħiħ. Hija dik li laqgħetu f’ħajjitha. Hawn jolqotna ħafna l-kuntrast ma’ dak li qrajna fl-Evanġelju ta’ San Ġwann nhar il-Milied: “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11) u fl-Evanġelju ta’ San Luqa: “ma kienx hemm post għalih...” (Lq 2:7) Marija għamlet eżatt il-kontra. Laqgħetu f’qalbha u mbagħad f’ġufha, għamlitlu post. Hija dik li koperat b’mod sħiħ ma’ Alla hu u jaħdem fl-istorja tal-bniedem. Il-festa tal-lum hi l-milja ta’ din il-koperazjoni. Dan hu li seta’ jassigura lil Marija li kienet miexja fit-triq it-tajba u dan hu li ġabilha f’ħajjitha ħafna paċi fil-qalb.

    Marija tagħmel din l-istedina lilna: li matul din is-sena, ngħixu kull ġurnata f’għaqda ma’ Alla, b’qalbna miftuħa għalih, b’koperazzjoni sħiħa miegħu. Nafu li miegħu nkunu qegħdin tassew fis-sod. Hu mhu se jitlaqna qatt. Jekk ngħixu din is-sena f’għaqda miegħu, hu jagħmel magħna ħwejjeġ kbar.

    Marija hija Omm Alla, u bis-saħħa ta’ hekk saret omm il-bnedmin kollha. Nitolbu li nħarsu lejha dejjem bħala Omm għażiża u nħossu l-protezzjoni tagħha f’ħajjitna. Hija hi li qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tressaqna lejn Alla, tħabbibna miegħu, tgħinna nkunu tassew uliedu. Nitolbuha, speċjalment illum f’Jum il-Paċi, biex matul din is-sena tgħinna ngħixu kuljum bil-paċi f’qalbna.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju