• ****

    Direttur:          Jon S.Baird

    Atturi:              Steve Coogan, John C. Reilly, Shirley Henderson, Danny Huston, Nina Arianda, Rufus Jones u Susy Kane

    Ħin tal-Film:    97 min

    Maħruġ minn KRS Relasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Stan u Ollie kienu żewġ kumidjanti li baqghu magħrufa tul iż-żminijiet. Permezz ta’ dan il-film, ikollna ħjiel ta’ x’ġara fl-aħħar snin tal-ħidma tagħhom bħala kummidjanti. Stan u Ollie, magħrufa minn ħafna bħala Laurel and Hardy,  fis-sena 1953, kienu jinsabu fuq tour ġewwa l-Gran Brittanja u l-Irlanda. Matul is-snin, kienu kisbu fama kbira u ħafna jqisuhom bħala kummidjanti ikoni għal dak li wettqu flimkien u li rrnexielhom jiġbdu tant eluf ta’ ammiraturi lejn is-swali taċ-ċinema.

    Għaddew ħafna snin u l-bidu għal dan it-tour ma kienx faċli. Stan issa kellu tlieta u sittin sena, waqt li Ollie kien wasal għall-età ta’ wieħed u sittin. L-età kienet għamlet tagħha għalkemm it-tnejn setgħu joffru ħin ta’ divertiment onest, mimli umoriżmu u ċajt. Fil-bidu tat-tour, l-udjenzi ma kienux wisq inkoraġġanti u dan ma kienx jawgura suċċess biex l-għan tat-tour jintlaħaq biex mill-flus li jdaħħlu jkunu jistgħu jiffinanzjaw film ġdid li xtaqu jagħmlu. Stan fil-fatt kien jagħmel ħin twil fuq it-typewriter, jittajpja l-iskritt tal-film li kien imsejjes fuq l-avventuri ta’ Robin Hood. Għalkemm ġew wiċċ imbwiċċ ma’ dawn id-diffikultajiet baqgħu dejjem pożittivi fil-wirjiet li kienu  joffru lill-udjenzi li kienu jattendu, li bil-mod il-mod bdew jiżdiedu fin-numru u li qrib it-tmiem dawru it-tour f’suċċess l-aktar meta marru l-Irlanda.

    Sfortunatament, il-pressjoni tax-xogħol u d-diżappunt li kellhom meta l-pjan tagħhom li jaħdmu film komiku fuq Robin Hood ma kienx hemm wisq appoġġ mid-ditta Ingliża tal-films tant li anke ħolqot tensjoni bejniethom. Waqt riċeviment f’ġieħhom kien hemm mument fejn kisruha bil-kbir għalkemm dawk li kienu preżenti ħasbuha xi ċajta bejniethom. Fortunatament, Stan u Ollie sabu appoġġ sħiħ minn marthom, Lucille u Ida rispettivament. Kollox deher li t-tour kien sejjer ikollu tmiem ħesrem meta Ollie tah attakk ta’ qalb ħafif. Fuq l-insistenza ta’ Ollie stess wara li steqer, it-tour tkompla u laħaq il-quċċatta tiegħu fl-aħħar tappa tat-tour ġewwa l-Irlanda.

    Film biografiku, kummiedja msejjes fuq  l-aħħar snin ta’ Stan Laurel u Ollie Hardy, żewġ kummidjanti tal-passat tant maħbuba. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Jon S. Baird u kitba ta’ Jeff Pope. Minħabba li xi materjal mhux adattat għat-tfal żgħar, ikun tajjeb li dawn ikunu akkumpanjati minn xi adult.