• ***

    Direttur:          Wash Westmoreland

    Atturi:              Keira Knightley, Dominic West, Eleonor Tomlinson, Denise Gough, Alysha Hart, Fiona Shaw, Denise Gough, Robert Pugh u Rebecca Root

    Ħin tal-Film:    111 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Sidonie-Gabrielle Colette twieldet fid-29 ta’ Jannar 1873 ġewwa l-vilaġġ Saint-Sauveur-en-Puisaye f’Burgundy. Minħabba nuqqas ta’ maniġjar serju finanzjarju, Colette kellha, minn sitt snin sa sbatax-il sena, tkompli l-istudju tagħha fi skola pubblika. Colette mill-ewwel uriet ħila kbira fil-kitba tant li tirrakonta fuq vuċi interjuri ta’ kittieba li għal ħafna żmien kienet ġiet injorata. Dehret li kienet lesta li tieħu l-miżuri neċessarji biex tippromwovi u toħroġ fil-beraħ il-vuċi interjuri tagħha bħala kittieba ġdida.  

    Colette, issa mara żagħżugħa, simpatika u ħelwa, fis-sena 1893 iżżewwġet lil Henry Gauthier-Villars, raġel minn Pariġi, bniedem kariżmatiku u dominanti, erbatax-il sena ikbar minnha, magħruf aħjar bil-laqam ta’ “Willy”. Taħt awgurju ta’ suċċess minnaħa tiegħu, Colette tidħol fl-istil ta’ ħajja Pariġina fejn fil-fatt il-kreatività fil-kitba fjurixxit. Willy ried juża t-talent li martu Colette bdiet turi billi ipperswadiha biex tibda tikteb novelli taħt ismu. L-ewwel erbgħa kotba kisbu suċċess fenominali. Din is-serjé ta’ kotba kienu msejjsa fuq il-karattru u l-ħajja ta’ tfajla bl-isem ta’ “Claudine”.

    Wara dahar Colette, Willy ħa l-fama ta’ awtur ma’ Franza kollha. Kull tip ta’ nies, kbar u żgħar ġew affaxxinati b’dawn in-novelli fuq il-ħajja ta’ ”Claudine”. Colette u Willy saru l-ewwel kittieba ta’ fama kontemporanja. Iżda maż-żmien, Colette ntebħet li l-unur kollu qiegħed jieħdu żewġha meta fil-fatt ix-xogħol letterarju kien kompletament tagħha. Bil-għan li tiġi rikkonoxxuta, sabet l-appoġġ u inkoraġġiment mill-Marquise de Belbeuf li kien jirreżisti u jistmerr kull tip ta’ stereotipi tradizzjonali. Għen hafna biex Colette tillibera lilha nfisha. Willy minnaħa tiegħu kien jopponi bil-qawwa dan il-pjan u  kien determinat li jżomm il-kontroll kollu fuqha u kien lest li jagħmlu anke jekk kellu jsofri konsegwenzi serji biex iżomm dan il-kontroll fuq martu. Colette sadanittant tibda relazzjoni ta’ mħabba ma’ Georgie Raoul-Duval, Amerikana magħrufa fis-soċjetà u aktar ‘l quddiem ma’ Mathilde de Morny, androġina, magħrufa bħala “Missy”, relazzjoni li damet sejra għal ħafna snin. X’jiġri minn hawn?

    Film biografiku, msejjes fuq il-ħajja ta’ Sidone-Gabriele Colette, taħt id-direzzjoni ta’ Wash Westmoreland u kitba ta’ Richard Glatzer, Rebecca Lenkiewicz u Wash Westmoreland. Minħabba t-tema tal-film fejn is-sess hu ppreżentat b’mod fluwidu ħafna, b’imġieba xejn korretta, hekk kif Colette stess tfittex relazzjoni ma’ nisa oħra, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.