• L-entità tal-Knisja ‘Fondazzjoni Sebħ’, li kienet magħrufa bħala Kummissjoni Ejjew Għandi, iffirmat ftehim soċjali mal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Griscti, u mid-Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ Andrew Azzopardi f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

    Il-ftehim ta’ finanzjament fuq medda ta’ tliet snin ikopri erbat idjar tal-Knisja fi ħdan il-Fondazzjoni Sebħ, li lkoll jagħtu servizz u sapport kbir lil tfal u adolexxenti li huma vittmi bla ħtija, bil-konsegwenza li jkollhom joħorġu minn ambjent diffiċli. Dan il-ftehim ser ikopri parti sostanzjali mill-ispiża annwali biex il-Fondazzjoni Sebħ toffri servizz ħolistiku lit-tfal.

    Dan tħabbar mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, meta l-Erbgħa filgħodu żar Dar Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar. 

    Il-Ministru Falzon qal li ftehimiet bħal dawn ikomplu jassiguraw li l-ebda tifel u tifla ma jaqgħu lura, u b’hekk it-tfal jikbru f’ambjent mimli mħabba filwaqt li jkollhom aċċess effettiv għall-edukazzjoni u t-teknoloġija.

    Il-Ministru Michael Falzon qal ukoll li fi tmiem din il-ġimgħa se tkun ippublikata l-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, liġi li se tkompli tassigura li d-drittijiet tat-tfal jingħataw prijorità.

    Id-Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ Andrew Azzopardi qal li l-Knisja f’Malta kienet pijuniera fit-twaqqif tad-Djar tat-Tfal u se tibqa’ impenjata biex tgħin lit-tfal u l-adolexxenti. F’isem l-Arċisqof Charles J. Scicluna huwa rringrazzja lill-Gvern għal dan il-ftehim ta’ sħubija – l-ikbar wieħed fil-qasam soċjali bejn il-Gvern u l-Arċidjoċesi – li se jagħmel differenza fil-ħajja tat-tfal li jgħixu fid-djar tal-Knisja. Dan il-ftehim se jkopri parti sostanzjali mill-ispiża annwali biex il-Fondazzjoni toffri servizz ħolistiku lit-tfal.

    Andrew Azzopardi qal li għalkemm it-tfal għaddew minn esperjenzi diffiċli, dawn għandhom ħafna kwalitajiet sbieħ. Is-Sur Azzopardi rringrazzja lill-ħaddiema u l-professjonisti tad-dedikazzjoni f’xogħolhom u tal-imħabba li juru lit-tfal.