• Ir-Raba’ Ħadd matul is-Sena
    Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Ġer 1, 4-5. 17-19
    Salm: 70 (71), 1-2. 3-4a. 5-6ab. 15ab u 17
    It-Tieni Qari: 1 Kor 12, 31 – 13, 13

    L-Evanġelju: Luqa 4, 21-30

  • F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan ilproverbju: “Tabib, fejjaq lilek innifsek”. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!”. 

    U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”.

    Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.