Jibda r-restawr fi 15-il parroċċa minn fondi Ewropej

  • Beda x‑xogħol ta’ restawr u konservazzjoni ta’ diversi proġetti fi 15‑il parroċċa f’Malta, b’investiment kapitali ta’ €2.2 miljun b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Dan tħabbar waqt konferenza tal‑aħbarijiet li saret illum quddiem il‑Knisja Parrokkjali tan‑Naxxar, indirizzata mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta s‑Sur Michael Pace Ross, u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej u d‑Djalogu Soċjali l‑Onor. Aaron Farrugia.

    Matul il‑konferenza tal‑aħbarijiet ġie spjegat li matul dawn it‑tliet snin ser jiġu rrestawrati faċċati ta’ knejjes u kappelli, kampnari, pitturi u opri oħra tal‑arti, bil‑għan li l‑patrimonju reliġjuż jiġi mħares bl‑aħjar mod u jitgawda mill‑ġenerazzjonijiet futuri.

    Permezz tal‑fondi ser isir mużew fil‑kmamar li huma parti mill‑Visitors’ Lodge fil‑pjazza tas‑Santwarju tal‑Mellieħa. Ser jiġi rrestawrat ukoll l‑arkivju fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana u ser isiru studji fuq il‑bini tal‑Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija f’Birkirkara sabiex jiġi ddeterminat l‑intervent meħtieġ minħabba ċaqliq strutturali.

    Is‑Sur Michael Pace Ross, filwaqt li esprima s‑sodisfazzjon għall‑ħidma li saret biex jinkisbu l‑fondi Ewropej, qal li permezz ta’ dan il‑proġett estensiv ta’ konservazzjoni għandhom jiġu rrestawrati wkoll diversi opri tal‑arti li ser ikunu jistgħu jitgawdew mill‑pubbliku. Huwa wassal l‑appell tal‑Arċisqof Charles J. Scicluna li jisħaq dwar il‑bżonn li napprezzaw is‑sagrifiċċji ta’ missirijietna li esprimew il‑fidi tagħhom fil‑wirt reliġjuż li qed ingawdu llum, u li aħna fir‑responsabbiltà li ngħadduh lil ta’ warajna. Is‑Sur Pace Ross qal li fondi li jintużaw għar‑restawr u konservazzjoni tal‑wirt kulturali tagħna huma investiment għall‑ħarsien tal‑identità tagħna l‑Maltin.

    Is‑Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li permezz ta’ proġetti bħal dawn u bis‑saħħa tal‑fondi Ewropej, qed insaħħu l‑kunċett ta’ komunitajiet f’pajjiżna, inħarsu l‑wirt kulturali għal ġejjieni, u ntejbu l‑prodott turistiku ta’ Malta. Huwa qal li permezz ta’ dawn il‑proġetti, in‑numru ta’ turisti hu mistenni jiżdied bi kważi mitejn elf turist sas‑sena 2023. Farrugia qal li iktar minn €80 miljun ta’ fondi reġjonali ġew investiti fil‑konservazzjoni u promozzjoni tal‑wirt kulturali ta’ pajjiżna, u permezz ta’ dawn il‑proġetti qed nagħrfu l‑potenzjal turistiku ta’ wirt li jinsab lil hinn minn lokalitajiet li huma tipikament turistiċi. B’hekk, filwaqt li qed ninvestu f’proġetti kbar bħar‑riġenerazzjoni tal‑Palazz tal‑Granmastru, it‑Teatru Manoel, u l‑MUŻA, qegħdin napprezzaw ukoll il‑valur ta’ turisti f’niches oħra.

    Il‑parroċċi li qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020 huma: Birkirkara (Santa Marija u Sant’Elena), Ħ’Attard, Ħad‑Dingli, Ħal Balzan, Ħal Għargħur, Ħal Tarxien, il‑Mellieħa, il‑Mosta (inkluż il‑Bidnija), in‑Naxxar, ir‑Rabat, l‑Imdina, l‑lmġarr, Marsaxlokk u Raħal Ġdid (Kristu Re).

    Dan il‑proġett wiesgħa ta’ restawr u konsverazzjoni f’għadd ta’ parroċċi ser ikun qed joffri wkoll esperjenza unika lil dawk il‑persuni inkluż turisti li jżuruhom, bil‑ħolqien ta’ heritage trail li ser tgħaqqad dawn is‑siti skont iż‑żoni fejn jinsabu (fin‑naħa ta’ fuq, fiċ‑ċentru u fin‑naħa ta’ isfel ta’ Malta).

     
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti