Quddiesa f'Bormla għall-Jum Dinji tal-Morda

  • Nhar it-Tnejn li ġej, 11 ta’ Frar 2019, madwar id-dinja ser jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Morda, li twaqqaf minn San Ġwanni Pawlu II 27 sena ilu. Kull 11 ta’ Frar tiġi mfakkra wkoll l-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes.

    Fil-fatt, din is-sena dan il-jum ser jaħbat mal-175 anniversarju mit-twelid ta’ Santa Bernardette Sounirous u l-140 anniversarju mill-mewt tagħha. Santa Bernardette kella x-xorti tara u titkellem mal-Madonna għal 18-il darba. Kienet il-Verġni Mbierka li qalet lil Bernardette li hija kienet l-Immakulata Kunċizzjoni.

    Għalhek, fl-isfond ta’ dawn l-anniversarji, f’Malta, Jum il-Morda ser jiġi ċċelebrat b’Quddiesa fil-knisja parrokkjali ta’ Bormla li hija ddedikata proprju lill-Immakulata Kunċizzjoni. Il-Quddiesa ser tibda fl-10am u ser titmexxa minn Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, u jikkonċelebra Dun Joe Mizzi, il-kappillan tal-għaqda djoċesana għat-trasport tal-morda f’Lourdes, l-UMTAL.

    Kulħadd huwa mistieden, b’mod speċjali l-morda u l-anzjani rikoverati fid-djar tal-anzjani.

    Il-messaġġ tal-Papa Franġisku għal Jum il-Morda ta’ dis-sena huwa: B’xejn ħadtu u b'xejn għatu. Hekk jagħmlu l-ħafna voluntiera generużi, tobba, infermiera, carers u diretturi spiritwali, li ta’ kull sena, b'’afna mħabba, jakkumpanjaw lill-morda fil-pellegrinaġġ djoċesan f'Lourdes. Il-volontiera tal-UMTAL jgħinu lill-morda f'kull bżonn li jkollhom, bħal ħasil, ikel, u l-użu tal-wheelchair għal min ma jistax jimxi.

    Din is-sena l-pellegrinaġġ djoċesan għall-morda f'Lourdes se jkun mill-15 sad-19 ta’ Lulju 2019. Min hu interessat jista’ jċempel fuq 79226606 jew jibgħat imejl fuq info@umtalmalta.org