A Dog's Way Home

  • *****

    Direttur:          Charles Martin Smith

    Atturi:              Kimi Alexander, Farrah Aviva, Chris Bauer, Rolando Boyce, John Cassini. Leo Chiang, Cesar De Leon, Spencer Drever u Lane Edwards

    Ħin tal-Film:    96 min.

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Ġewwa Denver, f’Colorado, f’dar imġarfa, kelba tar-razza pitbull b’ġeru, tkun qegħda f’kantina ma’  numru ta’ qtates mitlufa u abbandunati. Jum wieħed, tim li jiġbor annimali mitluqa barra, jiġu u jieħdu l-qtates u l-pitbull, barra l-ġeru u qattusa li ħadet ħsieb tadottah. Fi żmien qasir, il-ġeru saret kelba ħelwa u fuq tagħha. Lucas, ġuvnott li joqgħod qrib, ħa ħsieb jipprovdi l-ikel għalihom sakemm Lucas ħa l-kelba d-dar fejn ommu aċċettat li żżommha. Tawha l-isem ta’ Bella.

    Fi żmien qasir, bejn Lucas u Bella tiżviluppa rabta ta’ ħbiberija tal-ġenn. Bella saret kelba ħelwa u intelliġenti. Il-proprjetarju ta' darhom wissihom li kien ġej jagħmel żjara fid-dar biex jara jekk kienx hemm xi annimal fid-dar għax kien ipprojbixxa li jinżammu annimali fid-djar li hu kien jikri. Lucas u ommu jieħdu bil-moħbi lil Bella f’ċentru ta’ veterani fejn kienu jaħdmu. Bella titpoġġa f’kamra iżda jirnexxiela toħroġ minn hemm u ssib ruħha qalb il-veterani li ħadu pjaċir bil-preżenza tagħha u adottawha għat-terapija tagħhom mingħajr ma jsir jaf it-tabib li jmexxi ċ-ċentru.

    Sadanittant, jibda x-xogħol fuq id-dar imġarfa biex tinbena dar ġdida. Kellu l-permessi kollha iżda Lucas jintervjeni għax fil-post kien għad hemm xi annimali mitluqa. Ir-raġel jinnota lil Bella u jhedded li jirrappurtah. Lucas jieħu din it-theddida bis-serjetà u jittrenja lil Bella biex meta tisma’ il-kliem: “Go Home”, hi taħrab minnufih u tmur tiġri lejn id-dar. Iżda ġara li waqt li Lucas jieħu lil Bella għal mixja, jiltaqgħu mal-uffiċjal li jiġbor l-annimali perikolużi b’riżultat li Lucas jkollu, kontra qalbu, jieħu lil Bella għand qaribu ġewwa New Mexico waqt li hu u ommu jagħmlu arranġamenti ġodda biex imorru jgħixu f’belt oħra fejn ma kienx hemm ir-restrizzjonijiet ħorox kontra il-pitbulls li kien hemm f’Colorado. Bella iżda ma tieħu xejn pjaċir fil-post ġdid, sitt mitt kilometru ‘l bogħod għaliex kienet ħasset in-nuqqas tal-kumpanija ta’ Lucas. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, bi storja ħelwa ta’ kelba bl-isem ta’ Bella u x’għamlet biex terġa’ tingħaqad ma’ sidha Lucas. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Charles Martin Smith u kitba ta’ W. Bruce Cameron u Cathryn Michon. Minħabba xi xeni ta’ periklu kbir u xi lingwaġġ goff, ikun tajjeb li t-tfal żgħar ikunu akkumpanjati minn xi adult.