• Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) ma tistax tifhem kif f’daqqa waħda hemm min huwa allarmat li l‑pajjiż qed jiffaċċja kriżi ta’ fejn għandu jintrema l‑iskart tal‑kostruzzjoni. Dak li ilu ovvju għal min iħares fil‑futur, ma tantx jidher li kien ovvju għal min jiġġenera dan l‑iskart u għall‑awtoritajiet li misshom ilhom jippjanaw biex din il‑kwistjoni ma tikbirx għall‑istat li qiegħda fih illum.

    Għal snin twal l‑awtoritajiet abdikaw mir‑responsabbiltà tagħhom li jippjanaw fit‑tul u, forsi biex ma jtellfux l‑hekk imsejjaħ ‘progress’, ħallew lil setturi ekonomiċi jistagħnew kemm jifilħu biex id‑dannu qed ibatih kulħadd. U issa li qed jinqaras il‑but ta’ dawk li stagħnew qed insejħu għall‑ajjut.

    Il‑KA tħoss li qabel ma wieħed jaħseb għal soluzzjoni għal din il‑problema, għandu jirrifletti fuq x’kien li wassal għall‑ħolqien tagħha, jiġifieri: (a) il‑politika ekonomika li qatt ma tat kas tal‑ħela u tal‑impatti ambjentali li din iġġib magħha u (b) il‑prattiċi fis‑settur tal‑kostruzzjoni li jaraw biss il‑futur qrib mingħajr l‑ebda interess f’ġejjieni sostennibbli.  Il‑prinċipju bażiku li min iħammeġ irid iħallas (polluter pays principle) jitlob li l‑piż irid jinġarr minn min, biex jagħmel gwadann ekonomiku sena wara l‑oħra u taħt amministrazzjonijiet diversi, għażel prattiċi mhux sostenibbli, u ħela bl‑addoċċ il‑ġebla Maltija. Qed jingħad li ‘d‑domanda hi ħafna ikbar mill‑provvista’, jiġifieri li d‑domanda ta’ fejn jintrema l‑iskart hi ħafna ikbar mill‑ispazji li għandu l‑pajjiż biex jilqa’ dan l‑iskart. Jekk dan hu minnu, din hija ammissjoni ċara li l‑iżvilupp li qed isir hu wieħed li mhux sostenibbli, u li qabeż il‑limiti li jiflaħ pajjiżna (il‑carrying capacity).

    Dawn il‑prattiċi mhux sostenibbli tkomplew minkejja:

    1. li saru diversi twissijiet minn diversi setturi dwar il‑ħtieġa li jkun hemm kontrolli fuq din l‑industrija;
    2. il‑wegħdiet fiergħa li l‑industrija tal‑kostruzzjoni se ssir waħda sostenibbli;
    3. li l‑ġirja sfrenata għal aktar bini baqgħet għaddejja mingħajr studju serju ta’ fejn dan ir‑ritmu ta’ ‘żvilupp’ se jwassal lill‑pajjiż; u
    4. l‑isforzi li saru sabiex jinħeba l‑impatt veru ta’ din l‑industrija fuq il‑ġenerazzjoni tal‑iskart, u l‑impatt negattiv fuq it‑tessut soċjali, arkitettoniku u ambjentali ta’ pajjiżna u fuq is‑saħħa tan‑nies.

    U issa li l‑problema kibret, tant li ma tistax tinħeba aktar u saret ‘urġenti’ għax se tibda tolqot l‑interessi ta’ min stagħna mill‑ħolqien tal‑istess problema, issa nippretendu li, bla ma noqogħdu naħsbuha darbtejn, neħilsu minnha billi nwaddbu kollox fil‑baħar, u hekk xejn ma jxekkel il‑ġirja ta’ kostruzzjoni bla rażan. Ladarba jidher li r‑reklamazzjoni tal‑art saret kundizzjoni indispensabbli għall‑iżvilupp ta’ pajjiżna, il‑KA tħoss li għandhom jitqiesu sew dawn il‑punti:

    1. li l‑bijodiversità tal‑baħar tal‑Gżejjer Maltin m’għandhiex tkun mittiefsa. Il‑baħar huwa riżorsa kbira għall‑pajjiż u għandu valur ekonomiku, ambjentali u soċjali għoli. Jekk se nibdew inħarsu lejh bħala l‑miżbla l‑ġdida biex mingħalina nkunu ħlisna mill‑iskart għax ma narawhx, nerġgħu għal darb’oħra nilludu ruħna li sibna soluzzjoni għall‑ħela u l‑eċċessi ta’ industrija li mhijiex miexja b’passi u prattiċi sostenibbli, u nkomplu mexjin lejn kollass lokalizzat jew iktar mifrux tal‑ekosistema tal‑baħar.
    2. għandhom isiru studji tal‑impatt ambjentali li jkunu jissodisfaw wkoll id‑direttiva tal‑iStrategic Environmental Assessment. Fuq kollox, ir‑riżultati ta’ dawn l‑istudji għandhom jiġu ppubblikati. Hekk wieħed ikun jista’ jistabilixxi mhux biss jekk għandhiex issir reklamazzjoni, imma wkoll fejn tista’ ssir bl‑inqas impatti ambjentali, u xi jkunu l‑alternattivi;
    3. għandha titqies id‑dimensjoni tar‑reklamazzjoni (jekk din tassew meħtieġa) li m’għandhiex tkun determinata mill‑kwantità ta’ skart li rridu neħilsu minnu;
    4. il‑kriterji tal‑għażla tas‑sit m’għandhomx ikunu ddettati minn interessi kummerċjali ta’ min irid joħloq żviluppi fuq art reklamata mill‑baħar; ta’ min għandu x’jiggwadanja jekk issir ir‑reklamazzjoni f’dik il‑lokalità partikulari, grazzi għal xi jedd li jista’ jkollu fuq dik iż‑żona tal‑baħar, jew ta’ min għandu xi interessi personali oħra; u
    5. m’għandniex nilludu ruħna li l‑art reklamata se tmur sabiex jinħolqu xi spazji miftuħa bħal parks naturali, ġonna u/jew postijiet oħrajn naturali għal skop ta’ divertiment u żvog. Qabel xejn, is‑sens komun jitlob li għandna nieħdu ħsieb u nipproteġu l‑ispazji miftuħa li diġà għandna, u mhux biex noħolqu spazji ġodda neqirdu dawk li għandna! Minbarra dan, tajjeb li niftakru x’kienu l‑pjanijiet għall‑art li kellha tiġi reklamata skont il‑masterplan għaż‑żona ta’ Ċertament ma ssemmewx spazji naturali!

    Il‑problema tal‑iskart tal‑kostruzzjoni ilha magħna snin twal, iżda jidher li ħadd qatt ma wera interess biżżejjed sabiex jindirizzaha fit‑tul u bis‑serjetà li jistħoqqilha. Matul is‑snin ma nstabx mod kif, qabel xejn, tintrefa’ aktar responsabbilità mill‑iżviluppatur, u għaldaqstant ma daħlitx kultura ta’ għarfien dwar l‑iskart sa mill‑bidu nett ta’ proġett ġdid. Dan wassal sabiex ħloqna muntanja ta’ skart tal‑kostruzzjoni u skavar fil‑Magħtab! Bqajna ma ħarisniex lejn pjan fit‑tul ta’ mmaniġġjar sostenibbli, tant li bħalissa, bi proġetti għaddejjin u oħrajn kbar ippjanati, ninsabu bi problema ta’ volumi kbar ta’ skart. Jeħtieġ pjan serju fit‑tul li ma jistrieħx fuq soluzzjoni waħda.

    L‑iskart tal‑kostruzzjoni għandna, l‑ewwel u qabel kollox, naraw kif inrażżnuh. Ma nħarsux lejh bħala problema li llum jew għada jrid isolvi ħaddiehor, iżda bħala parti mir‑responsabbiltà tal‑istess żviluppatur. Jeħtieġ jitħaddmu standards għal twaqqiegħ ikkontrollat bi skop ta’ separazzjoni u riċiklaġġ tal‑materjali, u jitħaddmu prattiċi aktar sostenibbli ta’ xogħol li jnaqqsu l‑ħela. Għandna fuq kollox nesploraw aktar il‑potenzjal li hemm fl‑iskart tal‑kostruzzjoni u tal‑iskavar bħala riżorsa!

    F’kuntest fejn proġetti ta’ bini mostruż u ħela ta’ spazji qed ikunu approvati (jew jitħallew fuq xkaffa sakemm tinqala’ xi teknikalità li tkun tiġġustifika l‑approvazzjoni), wieħed jeħtieġ ikun sensittiv għall‑karba tal‑parti l‑kbira tal‑Maltin li ma jifilħux jaraw lil pajjiżhom ikompli jinqered mill‑bini bl‑addoċċ li qed isir. Il‑kwistjoni tibqa’ dejjem: Min se jingħata widen? Iċ‑ċittadin komuni li dejjem qed iħallas għall‑eċċessi ta’ ħaddieħor? Jew dawk l-egoisti irresponsabbli li jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom u li bil‑flus jistgħu jixtru lil min iridu?

    Il‑KA tħoss li wasal iż‑żmien li f’din il‑kwistjoni wkoll, min hu responsabbli għandu jiddefendi, l‑ewwel u qabel kollox, l‑interessi ta’ kull Malti, billi jfassal pjani fit‑tul u policies li verament joffru qafas ta’ sostenibbiltà li permezz tagħhom igawdu mhux il‑ġenerazzjonjiet preżenti biss iżda anke dawk tal‑ġejjieni. Fl‑aħħar mill‑aħħar, huwa wkoll fl‑interess tal‑industrija tal‑kostruzzjoni stess, u ta’ kull min jaħdem fiha, li din issir waħda tassew sostenibbli.