• Seba’ snin wara l-pubblikazzjoni tal-Enċiklika Urbi Arcano tal-Papa Piju XI,  ir-Rev. Prof. Daniel Callus OP waqqaf il-“Lega Universitaria Cattolica Maltese“. L-istatut ġie approvat mill-Arċisqof Mawru Caruana fid-19 ta’ Frar 1930. Dan kien il-bidu tal-Azzjoni Kattolika f’Malta.

    Minn dakinhar ‘l hawn, l-Azzjoni Kattolika ħalliet impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà u fuq it-tagħlim nisrani f’Malta. Fost l-avvenimenti importanti li jsawru l-istorja tal-Azzjoni Kattolika u ta’ Malta nsibu li:

    • Fl-1933, l-unika gazzetta Kattolika Leħen is-Sewwa, illum Il-Leħen, li għadha tiġi ppubblikata sal-lum, ġiet fdata f’idejn l-Azzjoni Kattolika;
    • Matul it-tieni gwerra dinjija, il-membri fil-parroċċi differenti kellhom jiddedikaw l-enerġija tagħhom biex jipprovdu sapport materjali lill-proxxmu, apparti l-impenn lejn s-sostenn spiritwali;
    • Fl-1948, twaqqfu s-Segretarjat Assistenza Soċjali u l-Kummissjoni Ħidma Morda. Dawn l-entitajiet, li għadhom jiffunzjonaw sal-lum, jipprovdu sapport u servizzi lil dawk fil-bżonn;
    • Fl-1949 twaqqfet il-Kummissjoni Emigranti, li wkoll għadha topera sal-lum taħt il-kappa tal-Knisja;
    • Fl-1950 bdew jiġu organizzati kull sena, il-kampijiet tas-Sajf għat-tfal li kienu jiġu minn familji numerużi;
    • Fl-1962 infetħet dar residenzjali għall-persuni bi bżonnijiet speċjali Dar Mater Providentiae, illum magħrufa bħala Id-Dar Tal-Providenza;
    • Fl-1992, il-Knisja f’Malta fdat it-tmexxija tad-dar tal-anzjani Sagra Familja fin-Naxxar lill-Azzjoni Kattolika, li qabel kienet titmexxa mil-Little Sisters of the Poor; u
    • Fl-1995, bdiet il-proċess ta’ tiġdid fis-sezzjoni taż-żgħażagħ, illum magħrufa bħala Ż

    L-Azzjoni Kattolika llum

    Il-formazzjoni tal-individwi ma waqfitx. Madwar 1,500 huma membri fl-AKM, nofshom huma żgħażagħ. Dawn ta’ kull ġimgħa jimpenjaw ruħhom lejn l-iżvilupp tagħhom u ta’ ħaddieħor. Madwar 100 grupp ta’ persuni jqisu lil xulxin bħala t-tieni familja tagħhom.

    Apparti dan, għaddejjin diversi proġetti u inizjattivi biex l-Azzjoni Kattolika tibqa’ tkun ta’ servizz u relevanti fis-soċjetà. Fosthom insibu l-proġett tad-dar Regina Pacis f’Ħal Balzan. Din id-dar qed titranġa sabiex toffri xelter temporanju lill-familja jew persuna fi bżonn. Tnieda wkoll proġett fl-Imġarr sabiex inkomplu nnaqqsu l-impatt fuq l-ambjent li nikkawżaw bl-attività tagħna. L-Azzjoni Kattolika qed teżamina kif tista’ tagħmel l-aħjar użu mill-proprjetajiet tagħha sabiex ikunu jistgħu jingħataw aktar għas-servizzi fil-komunità. Fil-fatt l-AKM qiegħda f’taħditiet ma’ diversi entitajiet biex nkomplu nsaħħu dan.

    Il-pjan hu li fix-xhur u snin li ġejjin l-Azzjoni Kattolika tkompli tiffoka aktar fuq iż-żgħażagħ u l-familja u ġġedded u ssaħħaħ s-servizzi li jingħataw permezz tas-Segretarjat Assistenza Soċjali.