The Mule

  • ****

    Direttur:          Clint Eastwood

    Atturi:              Clint Eastwood, Bradley Cooper, Laurence Fishburne, Michael Pena, Dianne Wiest, Andy Garcia, Alison Eastwood u Taissa Farmiga

    Ħin tal-Film:    116 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  18

    Earl Stone, anzjan ta’ disgħin sena u veteran tal-Gwerra tal-Korea, ħadem għal żmien twil fl-ortikultura, jkabbar il-fjuri. Dan għamlu b’detriment lejn Mary, martu u Iris, bintu meta naqas li jtihom attenzjoni tant li anke fit-tieġ ta’ bintu, falla li  jkun preżenti.

    Preżentament, Earl kien jinsab fallut. Ma kellux aktar x’jagħmel ħlief li jagħlaq in-negozju u jissensja l-ftit ħaddiema li kienu jaħdmu miegħu. Fi bżonn kbir għal flus, sab l-opportunità li jsir “mule”, jittrasporta l-kokaina madwar Illinois għall-kartell Messikan ta’ droga. Minħabba li hu kellu ż-zmien, u storja kriminali nadifa, u kien ukoll sewwIeq prudenti ta’ vann żgħir, Earl ġie fdat b’ammont kbir ta’ droga biex jeħodha bil-vann tiegħu minn post għal ieħor. Ghal kull missjoni li kien jwettaq, kien jitħallas tajjeb, tant li bil-flus li daħħal fl-ewwel kunsinni ta’ droga li kien wassal, xtara vann ġdid, aktar modern minn dak li kellu.

    Bis-suċċess tal-ewwel kunsinni, li ma ġibdu l-ebda attenzjoni tal-awtoritajiet, Earl beda jġorr kunsinni akbar ta’ kokaina. Bil-flus li daħħal għen biex jiġi renovat il-VFW, post tal-lokal fejn kienu jiltaqgħu l-veterani tal-gwerra u anke ħallas għall-edukazzjoni u t-tieġ ta’ Ginny, it-tifla ta’ bintu Iris li kienet kisritha miegħu. Earl ukoll sar ħabib tal-membri tal-kartell li bdew isejjħulu “Tata” (nannu). Sadanittant, l-Amministrazzjoni għall-Infurzar tad-Droga (DEA) permezz ta’ task force taħt it-tmexxija ta’ Colin Bates, megħjun mill-aġenti Trevino u  Brown kienu qorbu ħafna biex isibu tarf ta’ dan it-traffikar tad-droga minn Illinois lejn Chicago. Fil-kartell tqum tensjoni kbira meta l-leuitenant joqtol kiesaħ u biered lil Laton, il-boss tal-kartell u jordna li jinżamm aktar kontroll u għajnejhom miftuħa fuq Earl. Waqt li Earl ikun qieghed jitraffika kunsinna kbira ta’ droga lejn Chicago, isir jaf li Mary, l-eks martu kienet marida serjament. Earl jiddeċiedi li  jipposponi dak li kien qiegħed jagħmel u jmur biex jirrikonċilja ruħu magħħa. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Clint Eastwood, li ukoll jaħdem il-parti prinċipali fil-film. Il-kitba hi ta’ Nick Schenk, imsejjes fuq artiklu li deher f'The New York Times: “The Sinaloa Cartel’s 90-Year-Old Drug Mule” minn Sam Dolnick. Minħabba t-traffikar tad-droga bla kuxjenza ta’ xejn, qtil aħrax, kliem goff  u mġieba xejn korretta ta’ sess, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.