• ****

    Direttur:          Sean Anders

    Atturi:              Mark Wahlberg, Rose Byrne, Isabella Moner, Margo Martindale, Julie Hagerty, Octavia Spencer, Tig Notaro u Gustavo Quiroz

    Ħin tal-Film:    119 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12

    Pete u Ellie Wagner, miżżewġin u bla tfal, u qrabathom, biċ-ċajt, kienu jinkuhom fuq dan il-fatt. Tkellmu bejniethom jekk għandhomx jadottaw xi tifel jew tifla, għalkemm ma kienux tant ħerqana. Iżda wara ftit , iddeċidew li jidħlu għal kors għal dawk li xtaqu jiffosterjaw xi tifel jew tifla fi bżonn ta’ familja stabbli.

    Il-kors, taħt it-tmexxija ta’ Karen u Sharon, kien ta’ gwida għal dawk li xtaqu jagħmlu dan l-att ta’ mħabba u li kien iwassalhom biex isiru foster parents. Karen u Sharon kienu jagħmluha ċara ma’ dawk li bi ħsiebhom jagħmlu dan, li għandhom jieħdu dan l-impenn bl-ikbar serjetà u jkunu lesti għal dak kollu li setgħa jinqala’, bil-possibiltà ta’ ċaħda minnaħa tat-tfal, l-adattabilità, u l-fatt li dawn it-tfal jerġgħu jsibu posthom mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom. Il-koppji fil-kors attendew fiera biex jiltaqgħu ma’ xi tfal li  forsi jkunu lesti li jiffosterjaw.

    Ellie u Pete jinġibdu lejn grupp ta’ teenagers għalkemm Ellie tistqarr ma’ Pete li hi ma kinitx lesta li tieħu ħsieb xi teenager. Lizzy, tfajla fost il-grupp semgħetha tgħid hekk u qaltilha li huma jafu li lilhom ħadd ma riedhom.  Pete u Ellie baqgħu impressjonati b’dak li qaltilhom Lizzie u tkellmu ma’ Karen u Sharon li kienu lesti għall-isfida u jiffosterjawha. Karen u Sharon jinfurmawhom li omm Lizzy kienet drug addict u  kienet tinsab il-habs. Lizzy ukoll kellha żewġt aħwa iżgħar minnha, Juan u Lita.

    Pete u Ellie jaqblu li jiltaqgħu ma’ Lizzy u ħutha iżda din il-laqgħa ma sservi għal xejn ħlief li Pete u Ellie jerġgħu jibdew jikkunsidraw il-qagħda tagħhom. Waqt ikla ta’ Thanksgiving, il-membri kollha tal-familja jieħdu r-ruħ meta jisimgħu li Pete u Ellie kien reġa’ bdielhom. Huma qatt ma emmnu li Pete u Ellie kienu kapaċi jidħlu għal dan l-impenn. Ellie tiddejjaq tisma’ dan u flimkien ma’ Pete tiddeċiedi li jiffosterjaw lit-tfal u hekk juru li huma kienu sejrin ikunu ġenituri tajbin. X’jiġri minn hawn hekk kif Lizzy, Juan u Lita jibdew jgħixu mal-Wagners?

    Film Amerikan, kummiedja/dramm taħt id-direzzjoni ta’ Sean Anders u kitba tiegħu stess u John Morris. Anders stess għadda minn l-esperjenza ta’ foster parent. Minħabba t-tema tal-film, xi ċajt sesswali u kliem oxxen, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.