L-Evanġelju tal-jum: 4 ta' Marzu

  • Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Sir 17, 20-28
    Salm: 31 (32), 1-2.5.6.7-8
    L-Evanġelju: Mk 10, 17-27
     
  • F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien se jaqbad it-triq, mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”. Ġesù qallu: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”. U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”.

    Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid. Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. 

    Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.