• Qari tal-jum

  • L-Ewwel Qari: Iż 58, 9b-14
    Salm: 85 (86), 1-2.3-4.5-6

    L-Evanġelju: Lq 5, 27-32

  • F’dak iż-żmien, Ġesù lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja!”Dak telaq kollox, qam u mar warajh. Imbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani u nies oħra.

    Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: “Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?”.

    U Ġesù weġibhom: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema”.