• ***

    Direttur:          Hans Petter Moland

    Atturi:              Liam Neeson, Tom Bateman, Tom Jackson, Emmy Rossum, Domenick Lombardozzi, Julia Jones, John Doman u Laura Dern

    Ħin tal-Film:    118 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Nelson Coxman jinsab jghix ħajja kwieta ma’ martu Grace. Hu jaħdem bħala sewwieq  ta’ moħriet tas-silġ li jneħħi silġ minn triq prinċipali f’Rocky Mountains ġewwa Colorado ski resort ta’ Kehoe.  Coxman għal-ħidma tiegħu, ingħata l-ġieħ taċ-“Ċittadin tas-Sena”. Sfortunatament, ftit wara ċ-ċerimonja, hu jingħata l-aħbar li t-tifel tiegħu Ryan kien miet b’doża qawwija ta’ droga eroina. Coxman iżda ma setgħax jemmen li kien hekk għax hu kien jafu sew lill-ibnu. Coxman għalhekk jiddeċiedi li jikkommetti suwiċidju. Iżda b’xorti tajba, fil-ħin eżatt li kien sejjer jagħmel hekk, isir jaf minn sieħeb ibnu, li t-tifel tiegħu kien inqatel bi żball minn Speedo, membru ta’ kartell tad-droga. Din l-aħbar tbiddillu ħajtu u minn bniedem kwiet u tal-affari tiegħu jsir viġilant, determinat li jagħmel vendetta minn dak li qatel lil ibnu. Martu Grace ukoll b’dak li kien ġralhom, titlaq mid-dar u ma tgħidlu xejn fejn kienet sejra.

    Coxman isib lil Speedo u joqtlu kiesaħ u biered. Minn hawn il-qagħda teskala b’numru ta’ membri tal-kartell, fosthom Limbo u Santa, isibu ruħhom ukoll fil-mira ta’ Coxman, li kien immodifika xkubetta li kien juża għall-kaċċa. Il-kap tal-kartell, Trevor Calcote, magħruf bħala Viking, jibda jissusspetta li l-qtil ta’ dawn il-membri tal-kartell tiegħu kien ix-xogħol ta’ White Bull, kap tal-kartell tad-droga Indjan-Amerikan. Calcote jagħmel żball kbir meta joqtol lil Little Hawk, l-uniku iben li kellu White Bull.

    Dan il-qtil jibda gwerra bejn il-gang ta’ Calcote u dak ta’ White Bull. Kien tard wisq meta maż-żmien, Calcote jsir jaf li wara kollox kien Coxman li kien qatel il-membri tal-kartell tiegħu. Riżultat ta’ dan, Bryon “Wingman”, ħu Coxman, eks kriminal, jisfa’ ukoll vittma għal dak li kien qiegħed iwettaq ħuh. Calcote għalxejn jipprova jwaqqaf  il-gwerra li nqalgħet għaliex White Bull kien determinat li jwettaq vendetta u għall-iben li tilef,  joqtol l-uniku tifel li kellu Calcote. Sadanittant, Coxman jaħtaf lil Ryan, iben Calcote b’attentat li jisforza lil Calcote biex jaqa’ għan-nasba u jiġi biex jeħles lil ibnu. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Hans Petter Moland u kitba ta’ Frank Baldwin. Minħabba t-tema ta’ vendetta kif ukoll numru ta’ delitti bħala tpattija, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.