L-Arċisqof jaħtar Delegat Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni

    • L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Nadia Delicata bħala Delegat Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni.

      Dr Delicata hija senior lecturer fil-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta u ilha tgħallem fid-Dipartiment tal-Morali u t-Teoloġija Spiritwali mill-2012. Bejn l-2001 u l-2011 kompliet l-istudju fit-Teoloġija f’Regis College, f’Toronto School of Theology fl-Università ta’ Toronto. Hija miżżewġa lil Brian Delicata u għandhom tlett itfal.

      Il-Papa Franġisku jiddeskrivi l-evanġelizzazzjoni bħala l-milja tal-ferħ li kull bniedem jesperjenza u jaqsam mal-oħrajn wara li jkun iltaqa’ ma’ Ġesù li jfejjaq kull solitudini u qtigħ il-qalb.

       
  • Fil-missjoni tagħha li tevanġelizza, il-Knisja lokali tfittex li tkun preżenza ta’ tama u wellbeing spiritwali u fiżiku permezz tal-ħajja ta’ talb; bil-formazzjoni fl-iskejjel u fil-komunitajiet taż-żgħażagħ u l-adulti; permezz tal-arti, u fid-djalogu kontinwu fuq temi soċjali fis-soċjetà Maltija.