Captain Marvel

  • ****

    Diretturi:         Anna Boden u Ryan Fleck

    Atturi:             Brie Larson, Samuel L. Jackson, Ben Mendelsohn, Djimon Hounsou, Lee Pace, Lashana Lynch, Gemma Chan, Annette Bening, Clark Gregg u Jude Law

    Ħin tal-Film:    124 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Fl-1995, fuq il-pjaneta Hala, ġewwa Kree, il-kapitali tal-Imperu, Vers, ġellieda u membru tas-Starforce spiss tbati minn ħmar il-lejl li jinvolvi mara xwejħa. Yon-Rogg, il-kmandant u l-konsulent tagħha jwissiha biex tikkontrolla kapaċitajiet tagħha, waqt li s-Supreme Intelligence, li tiggverna fi Kree, ħeġġitha biex trażżan l-emozzjonjiet tagħha.

    Vers, waqt missjoni mal-uffiċjal Ronan the Accuser biex jeħilsu spija, tinħataf u tiġi suġġetta għal sonda ta’ memorja minn grupp ta’ Skrulls, aljieni fi gwerra kontra l-Imperu Kree. Vers iżda taħrab permezz ta’ pod u tillandja b’emerġenza fid-dinja. Il-preżenza tagħha ġibdet l-attenzjoni ta’ Nick Fury u Phil Coulsin, aġenti ta’ S.H.I.E.L.D. li jmorru warajha. Sadanittant, hi tirkupra kristallerija li fiha kien hemm il-memorji kollha tagħha. Hekk kif Fury joqtol Skrull li jimita l-persuna ta’ Coulson, jiddeċiedi li jibda jaħdem ma’ Vers, waqt li Talos, il-kmandant Skrull ittravesta lilu nnifsu f’Keller, ħaddiem f’S.H.I.E.L.D. Vers tuża l-faċilità ta’ sigurtà li kien juża Fury u b’hekk hi ssir taf li darba kienet pilota, maħsuba mejta sitt snin qabel, waqt li kienet qegħda tisperimenta magna ta’ veloċità kbira ddisinjata minn Wendy Lawson, xjentista. Vers tagħraf li x-xjentista kienet fil-fatt il-mara li hi kienet tara fi ħmar il-lejl li kien ikollha spiss.

    Vers u Fury jaħarbu fuq ajruplan żgħir tat-tagħbija wara li “Keller” jisfidhom. Il-qattus ta’ Lawson, bl-isem ta’ Goose jitla’ magħhom bil-moħbi. Meta jaslu Louisiana, Vers tiltaqa’ ma’ Maria Rambeau u t-tifla tagħha Monica. Maria tirrivela lil Vers li isimha proprajament kien Carol Danvers. X’jiġri minn hawn hekk kif Vers issir taf min kienet verament? Hi ukoll issir taf mingħand Talos li hu u sħabu ma kellhomx l-intenzjoni li jinvadu Kree, iżda li jaħarbu minn hemm fuq il-vettura veloċi li kienet ħadmet fuqha Lawson. Tgħid Vers tkun tista’ tgħinhom biex imorru lura lejn il-pjaneta tagħhom?

    Film Amerikan, imsejjes fuq il-karattru ta’ Carol Denvers: Captain Marvel mill-Marvel Comics, taħt id-direzzjoni ta’ Anna Boden u Ryan Fleck. Film ta’ fantaxjenza, mimli azzjoni u vjolenza kif ukoll b'xi kliem goff li jintuża. Ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.