The Aftermath

  • ***

    Direttur:          James Kent

    Atturi:              Keira Knightley, Alexander Skarsgard, Jason Clarke, Alexander Scheer, Kate Phillips u Fionn O’Shea

    Ħin tal-Film:   108 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  18

    Ninsabu fis-sena 1946, ġewwa Hamburg fil-Ġermanja, fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-belt ta’ Hamburg ġiet meqruda għal kollox mill-bombi tal-Alleati. Il-Kurunell Lewis Morgan ġie nkarigat biex jara li ż-żona taħt l-okkupazzjoni tal-Brittaniċi terġa tinbena mill-ġdid, missjoni mhux tant faċli. L-awtorità militari Ingliża rrekwiżizzjonat dar lussuża fuq ix-xatt tax-xmara Elbe li fiha kienu joqgħodu Stefan Lubert, perit u bintu Freda, tfajla ta’ ħmistax-il sena. Lewis, li kien bniedem ta’ natura idealistika u ta’ qalbu tajba, offra lil Stefan u lil bintu biex jibqgħu jgħixu fil-parti ta’ fuq tad-dar.

    Rachael, mart Lewis meta waslet f’Hamburg biex tingħaqad ma’ żewġha, xejn ma ħadet pjaċir meta saret taf li Lewis kien għamel dan l-arranġament. Rachael kienet tinsab f’dulur għat-telfa ta’ binha li miet ħtija ta’ bomba li waqgħet qrib id-dar fejn kienu joqgħodu fl-Ingilterra b’riżultat li tilef ħajtu fil-blast. Ma kinitx faċli għaliha meta sabet ruħha f’dik il-qerda kollha, b’nies ifittxu lil qrabathom fost it-tifrik tal-belt barra wkoll in-nuqqasijiet basiċi għall-ħajja bhal ikel u infrastruttura li kienet ġarbet ħsarat kbar.

    Rachael bil-mod il-mod aċċettat il-qagħda ġdida li sabet ruħha fiha għalkemm qatt ma kienet bassret li kienet sejra ssib dak li sabet. Ir-relazzjoni bejnha u l-familja Lubert għal bidu kienet friġida ħafna. Stefan kien għadu jħoss it-telfa ta’ martu li mietet waqt il-blizz, filwaqt li Freda, bintu, ħaditha b’riżentiment kbir l-aktar minhabba l-fatt li d-dar fejn trabbiet kienet spiċċat f’idejn il-forzi tal-okkupazzjoni. Minflok ma kienet tmur l-iskola, Freda kienet tiltaqa’ ma’ grupp ta’ żgħażagħ li wkoll xejn ma kienu kuntenti bil-qagħda u kienu lesti li joffru reżistenza lill-armata Ingliża.

    Sadanittant ir-relazzjoni bejn Lewis u Rachael xejn ma kienet serena minħabba l-mewt ta’ binhom. B'riżultat ta’ dan in-nuqqas ta’ intimità bejniethom, Rachael bdiet tinġibed lejn Stefan u bdiet tarah dinjituż u raffinat fl-imġieba tiegħu. Sfortunatament, Lewis kellu għalfejn iwarrab għal ftit jiem u jmur l-arċipelagu f’Heligoland minħabba xi problemi li nqalgħu hemm. Rachael u Stefan isibu spazju biżżejjed biex jissodisfaw il-ġibda li żviluppat lejn xulxin. X’jiġri minn hawn?  

    Film Inglż taħt id-direzzjoni ta’ James Kent u kitba ta’ Joe Shrapnel u Anna Waterhouse, msejjes fuq in-novella bl-istess isem miktub minn Rhidian Brook. Minħabba l-kontenut sesswali, adulterju, vjolenza kif ukoll imaġini disturbanti, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.