• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, il-Furjana

    22 ta’ Marzu 2019

    “Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan.” Huwa dan il-kliem li smajna lil Ġesù jgħid illum fl-Evanġelju ta’ San Mattew meta jirreferi għall-ġebla tax-xewka.

    Huwa dan li tgħidu, għeżież Mons. Pawl Camilleri u Mons. Victor Zammit Mckeon, intom u tiċċelebraw il-ħamsin sena mill-ordinazzjoni presbiterali. Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan, u għalhekk illum tirringrazzjaw lilu u aħna ningħaqdu magħkom fl-innu ta’ radd il-ħajr lil Mulej.


    Gratitudni

    Ħafna snin ilu, il-Mulej ħares lejkom b’ħarsa ta’ mħabba u għamlilkom din is-sejħa: Pawl, ejja warajja; Victor, ejja warajja. Minnu ġiet is-sejħa. U intom weġibtu bi mħabba kbira. Ma kinetx tweġiba ta’ darba. Komplejtu twieġbu għal din is-sejħa b’mod konsistenti tul is-snin.

    Għalhekk illum nirringrazzjaw lil Alla talli sejħilkom u takom kull għajnuna biex stajtu ġġeddu t-tweġiba tagħkom tul dawn is-snin twal tal-ministeru pastorali tagħkom.

    Ngħidulu grazzi talli kien magħkom fl-esperjenzi sbieħ u f’dawk diffiċli, fil-mumenti ta’ ferħ u fil-waqtiet ta’ prova tul is-snin ta’ ministeru saċerdotali.

    Nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ġid li wettaqtu b’dedikazzjoni kbira f’ħidmiet differenti li ħallew il-frott fil-Knisja f’Malta. Grazzi talli tant nies setgħu jgawdu minn din il-ħidma tagħkom. Grazzi tal-fedeltà tagħkom


    Xandara ta’ Kristu l-Mulej

    Jgħidilna San Pawl fis-silta li smajna mit-tieni ittra tiegħu lill-Korintin: “Aħna ’l Ġesù Kristu l-Mulej qed inxandru u mhux lilna nfusna.” Dik hi l-ħajja tas-saċerdot. Qatt ma għandu jkun hu l-protagonista, in-nies ma jiġbidhomx lejh biex jibqgħu miegħu, imma jeħodhom u jwassalhom għand Kristu.

    Is-suċċess veru tal-ħidma tas-saċerdot fil-Knisja qiegħed hawn: f’kemm hu, bix-xhieda tiegħu u bil-kelma tiegħu, jgħin lin-nies biex jiltaqgħu ma’ Kristu u fi Kristu jsibu dak li jimla ’l qalbhom. Għalhekk l-Ewkaristija hi ċ-ċentru tal-ħajja saċerdotali għax tesprimi proprju dan.

    Is-saċerdot hu konxju li hu bħal ġarra tal-fuħħar li qed iġġorr teżor. B’hekk jidher sewwa li l-kobor tiegħu ġej minn Alla u mhux minnu nnifsu.


    Tajtu ħajjitkom lil dak li hu rebbieħ

    Il-Kelma ta’ Alla llum fl-Ewwel Qari fil-ktieb tal-Ġenesi kif ukoll fl-Evanġelju turina l-qawwa tal-ħażen, tal-għira, tal-mibegħda, tal-vjolenza, tal-qalb kiefra u iebsa fid-dinja. Imma turina wkoll il-qawwa ta’ Alla li tirbaħ. Tfakkarna fil-mod kif jaħdem Alla li minn sitwazzjonijiet diffiċli, ta’ bla tama, joħroġ it-tajjeb, il-ġid. Il-ġebla li jwarrbu l-bennejja Alla jibdilha fil-ġebla tax-xewka.

    Il-Mulej hu dejjem rebbieħ, u intom tajtu ħajjitkom lil dak li hu r-rebbieħ, u li joħroġ il-ġid mid-deni. Dan għandu jservi ta’ inkoraġġiment fil-ħajja u l-ministeru tagħkom biex tkomplu mexjin b’determinazzjoni tagħtu ħajjitkom lill-Mulej.

    Jgħidilna San Pawl: “Ladarba, għall-ħniena ta’ Alla aħna għandna dan il-ministeru, ma naqtgħux qalbna.” Kemm hu importanti li fost l-isfidi tal-ħajja tal-lum, aħna qatt ma nħallu lil qalbna tittaqqal u l-ħeġġa tnin, ma nittiħdux mill-ambjent ta’ madwarna li ġieli tant jinfluwenzana li jagħmilna ħabbara ta’ dak li hu ħażin.

    Kultant sfortunatament jiġri li saċerdot juża s-social media biex iwassal dak li hu negattiv. Jiftaħ qalbu u l-weġgħat tiegħu mad-dinja, flok ma’ Kristu u ma’ saċerdoti oħra sħabu. Kristu jsejħilna biex inkunu ħabbara tat-tama u hu ta’ ferħ għalikom li intom għextu b’dan l-ispirtu s-snin tas-saċerdozju tagħkom.


    Il-verità u l-karità

    Is-saċerdot hu msejjaħ biex, kif jgħid San Pawl, juri l-verità kollha b’mod ċar u ma jgħawwiġx il-Kelma ta’ Alla. Jagħmel dan ukoll meta din il-kelma tinstema’ kultant tistona għax ma tkunx taqbel mal-mentalità ta’ ħafna. Hi din il-fedeltà li tassigura li aħna nkunu bħar-ragħaj it-tajjeb li jmexxi lill-oħrajn fit-triq tas-sewwa.

    Flimkien ma’ dan, is-saċerdot hu msejjaħ biex ikollu qalb ta’ ragħaj li jfittex lin-nagħġa l-mitlufa, li jdewwilha l-ġrieħi, li jerfagħha fuq spallejh. Il-kelma ta’ Alla trid tkun imsieħba mal-qalb ta’ Alla. Kelma mingħajr qalb ma tkunx qed twassal il-verità sħiħa.

    Il-Kelma ta’ Alla nwassluha b’qalb kbira u bi spirtu ta’ qaddejja. Għalhekk, il-verità u l-karità jmorru flimkien: bħal Kristu ragħaj li juri t-triq tas-sewwa, imma fl-istess waqt ifittex lil min tbiegħed u hu ta’ qalb kbira ma’ kulħadd. Intom xhieda sabiħa ta’ dan fil-ministeru tagħkom saċerdotali għal tant snin.

    Għeżież Dun Pawl u Dun Victor, il-Knisja f’Malta hi grata lejkom. Ad multos annos!

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  •  

  • Ritatti: knisja.mt/ritatti