• Qari tal-jum

     

  • L-Ewwel Qari: Eżek 47, 1-9.12
    Salm: 45 (46), 2-3.5-6.8-9

    L-Evanġelju: Ġw 5, 1-3a.5-16

     

  • Wasal jum ta’ festa għal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. F’Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b’ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata. F’dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin.

    U kien hemm raġel li kien ilu tmienja u tletin sena marid. Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: “Trid tfiq?”. Wieġbu l-marid: “Sinjur, ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli”. Qallu Ġesù: “Qum, aqbad friexek u imxi!”. Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi. Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien fieq: “Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek”. Iżda hu weġibhom: “Dak li fejjaqni qalli: “Aqbad friexek u imxi”.

    Huma staqsewh: “Min hu dan il-bniedem li qallek: “Aqbad u imxi”?”. Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies. Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar”. Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejqu. Għalhekk il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f’jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.