"Il‑figura tal‑President tar‑Repubblika hija mogħtija lilna u aħna bi pjaċir nilqgħuha bħala sinjal tal‑għaqda ta’ bejnietna" - L-Arċisqof

Quddiesa Għal Art Twelidna fl-inawgurazzjoni tal-President il-ġdid tar-Repubblika ta' Malta, l-E.T. Dr George Vella

  • 

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     
  • Il-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta
    4 ta' April 2019

    Eċċellenza, President Marie–Louise Coleiro Preca,
    Eċċellenza, President Elett it‑Tabib George Vella u s‑Sinjura Vella,
    Onorevoli Prim Ministru u s‑Sinjura Muscat,
    Onorevoli President tal‑Kamra tad‑Deputati u s‑Sinjura Farrugia,
    Onorevoli Ministri Membri tal‑Kabinett, Onorevoli Membri Parlamentari,
    Onorevoli Prim Imħallef u l‑Membri tal‐Ġudikatura u tal‑Maġistratura,
    Personalitajiet Distinti,
    Ħuti fl‑Episkopat,
    Rev. Membri tal‑Kapitlu Metropolitan,


    Huwa xieraq li nilqgħu fostna lil ħutna rappreżentanti ta’ Knejjes u Komunitajiet Insara li jgħixu fil‐Gżejjer Maltin: Peace be with you all. Huwa ta’ pjaċir kbir għalina nilqgħu fostna bħala mistednin distinti lir‑rappreżentanti tal‑Komunità Iżlamika: Salam; lil dawk li qed jirrappreżentaw il‑Komunità Lhudija: Shalom; lir‑rappreżentanti tal‑komunitajiet Buddisti u Hindu: Namastè; u r‑rappreżentanti ta’ reliġjonijiet oħra: Peace.              

    Nixtieq nirringrazzja f’isem il‑poplu Malti u Għawdxi kollu lill‑Eċċellenza Tagħha
    Marie–Louise Coleiro Preca għall‑ħidma u s‑servizz tagħha matul dawn l‑aħħar ħames snin bħala President tar‑Repubblika. Eċċellenza, il‑Mulej ikun il‑ħlas tiegħek.         

    L‑Ewwel Qari mill‑Ktieb tas‑Slaten laqqagħna mas‑Sultan Salamun bin David. L‑isem Salamun ifisser ‘Bin is‑Sliem’, waqt li isem missieru, David, ifisser ‘il‑Maħbub’. It‑twelid ta’ Salamun kien sinjal ta’ rikonċiljazzjoni ma’ Alla għall‑ġenituri tiegħu. Fi żmienu Iżrael kien fis‑sliem u gawda minn prosperità u mill‑istabbiltà. Alla ried jiżen qalb is‑Sultan Salamun u poġġa quddiemu għażla. Qallu li jitolbu dak li jixtieq. Salamun talab il‑għerf u l‑għaqal. Ir‑risposta tal‑Mulej tkun ta’ tagħlima għal kull wieħed u waħda minna:                                                           

    “Ladarba tlabt din il‑ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il‑ħajja tal‑għedewwa tiegħek ‐ iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi hawn jien se nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn. U mqar dak li ma tlabtnix se nagħtihulek, sew ġid sew glorja, hekk li ma jkun hawn qatt sultan ieħor bħalek. U jekk timxi fi triqati, billi toqgħod għal‑liġijiet u l‑kmandamenti tiegħi kif mexa David missierek, nagħtik ukoll ħajja twila” (1 Slaten 3, 11‐15).                                       

    Meta nfittxu l‑għerf biex nagħrfu s‑sewwa u nwettquh, inkunu qegħdin ninvestu fl‑aqwa ġid. Il‐prosperità ekonomika ta’ pajjiż titqiegħed fuq sisien sodi daqskemm min immexxiha jfittex l‑ewwel li jħaddan l‑atteġġjamenti marbuta mal‑għerf u s‑sewwa. Hekk ukoll ir‑reputazzjoni tal‑pajjiż: tissaħħaħ u tikber daqskemm l‑ewwel valuri li nħaddnu jkunu dawk tal‑integrità, tal‑ġustizzja u tas‑solidarjetà. Jekk l‑ewwel u l‑uniku ħaġa li nfittxu jkun il‑qligħ jew il‑profitti, minn demokrazija nsiru kerdokrazija (soċjetà mmexxija mill‑ġirja għall‑profitt) u malajr niżżerżqu lejn il‑kleptokrazija (soċjetà fejn il‑poter huwa ta’ min jaħtaf l‑iżjed).                                                           

    Kif spjega tant tajjeb il‑Papa Franġisku fil‑messaġġ għal Jum il‑Paċi 2019: “It‑tiftixa għall‑poter, ikun xi jkun il‑prezz, twassal għal abbużi u inġustizzji. Il‑politika hi mezz fundamentali biex jissawru s‑sens ta’ ċittadinanza u l‑ħidmiet tal‑bniedem, imma meta, min‑naħa ta’ dawk li jħaddmuha, ma tingħaxx bħala servizz b’risq il‑bnedmin kollha, tista’ ssir għodda ta’ oppressjoni, ta’ emarġinazzjoni u saħansitra ta’ qerda”.

    Kif smajna mill‑Evanġelju tal‑lum skont San Mattew: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l‑ewwel fostkom, għandu jkun l‑ilsir tagħkom” (Mt 20, 26b‑27). Il‑Papa Franġisku jkompli: “Kif kien jisħaq il‑Papa San Pawlu VI: ‘Li nieħdu bis‑serjetà l‑politika fid‑diversi livelli tagħha—lokali, reġjonali, nazzjonali u dinjija—ifisser naffermaw id‑dmir tal‑bniedem, ta’ kull bniedem, li jagħraf ir‑realtà konkreta u l‑valur tal‑libertà tal‑għażla li tiġri offruta lilu biex ifittex iwettaq flimkien il‑ġid tal‑belt, tan‑nazzjon, tal‑umanità’”.                                        

    “Fil‐fatt, il‐funzjoni u r‐responsabbiltà politika jikkostitwixxu sfida permanenti għal dawk kollha li jirċievu l‐mandat li jaqdu lil pajjiżhom, biex jipproteġu lil dawk li jgħixu fih u biex jaħdmu ħalli joħolqu l‐kundizzjonijiet għal ġejjieni den u ġust. Jekk titwettaq fir‐rispett fundamentali tal‐ħajja, tal‐libertà u tad‐dinjità tal‐persuni, il‐politika tista’ ssir tassew għamla eminenti ta’ karità.”     

    “F’dan ir‑rigward, jixraq hawn li nfakkru l‑‘beatitudnijiet tal‑politiku’, li ppropona l‑Kardinal Vjetnamiż François–Xavier Nguyễn Vãn Thuận, li miet fl‑2002, u li kien xhud fidil tal‑Vanġelu:

    Hieni l‑politiku li għandu għarfien għoli u profond tar‑rwol tiegħu.
    Hieni l‑politiku li l‐persuna tiegħu hi mera ta’ kredibbiltà.
    Hieni l‑politiku li jħabrek b’risq il‐ġid komuni u mhux għall‑interess personali tiegħu.
    Hieni l‑politiku li b’fedeltà sħiħa jibqa’ koerenti.
    Hieni l‑politiku li jfittex iwettaq l‑għaqda.
    Hieni l‑politiku li huwa impenjat fit‑twettiq ta’ bidla radikali.
    Hieni l‑politiku li jaf jisma’.
    Hieni l‑politiku li ma jibżax.

    Kull tiġdid tal‑funzjonijiet elettivi, kull skadenza elettorali, kull tappa tal‑ħajja pubblika huma okkażjoni biex nerġgħu lura għall‑għajn u għall‑punti ta’ riferiment li jnebbħu l‑ġustizzja u d‑dritt. Aħna żguri li l‑politika tajba qiegħda għas‑servizz tal‑paċi; hi tirrispetta u tippromwovi d‑drittijiet umani fundamentali, li huma wkoll dmirijiet reċiproċi, biex bejn il‑ġenerazzjonijiet tal‑lum u dawk tal‑futur tintiseġ rabta ta’ fiduċja u ta’ rikonoxxenza”.

    Il‑figura tal‑President tar‑Repubblika hija mogħtija lilna u aħna bi pjaċir nilqgħuha bħala sinjal tal‑għaqda ta’ bejnietna u tas‑sejħa tagħna li nkunu demokrazija bbażata fuq l‑għażla kontinwa tas‑sewwa u l‑għatx u l‑ġuħ għall‑ġustizzja.                                  

    Ir‑rwol fundamentali tal‑President tar‑Repubblika huwa li bil‑kliem, bil‑ġesti u bl‑eżempju jfakkarna li l‑politika hija fuq kollox servizz, qadi, mingħajr ma wieħed iħares lejn l‑uċuħ, iżda b’sens kbir tad‑dover, sens qawwi tal‐Istat u b’qalb kbira mimlija mogħdrija.

    Il‑President tar‑Repubblika għandu l‑privileġġ li jkun il‑Kap tal‑Istat tagħna. Fih infittxu d‑difensur tal‑patrimonju kulturali, storiku, artistiku u arkittettoniku u naturali ta’ Malta tagħna. Fil‑President aħna naraw il‑persuna li tinkoraġġina nħarsu, napprezzaw u nippromwovu dak kollu li hu tajjeb u sabiħ fostna, dak kollu li hemm bżonn jibqa’ jitgawda mill‑ġenerazzjonijiet futuri.

    Eċċellenza għażiż President Vella, nawgurawlek mill‑qalb fil‑bidu tal‑ħidma u tas‑servizz tiegħek bħala President tar‑Repubblika ta’ Malta.


    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta