Napprezzaw it-teżor tas-Sagrament tal-Qrar - L-Isqof Awżiljarju

Quddiesa bħala parti mill-Viżta Pastorali fl-Imtarfa

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Kappella ta' San Oswald, l-Imtarfa

    31 ta' Marzu 2019


    Il-parabbola magħrufa bħala ‘tal-iben il-ħali’ hi parabbola b’messaġġ sabiħ ħafna fuq il-Missier il-ħanin, simbolu ta’ Alla għani fil-ħniena. Meta qalha Ġesù, kien qed iwieġeb għall-ilmenti tal-Fariżej u l-kittieba li qalu li hu kien qed jilqa’ għandu n-nies midinba u magħhom jiekol. Ġesù ried ifisser għaliex jagħmel hekk.

    Joħroġ b’mod qawwi minn din il-parabbola  l-mesaġġ: Alla jħobbna b’imħabba bla qies. Hu jaħfer, iħenn. Alla jagħti l-possibbiltà ta’ ħajja ġdida.

    Hi storja ta’ missier b’żewġ ulied - storja fejn kull dettall jgħodd. Ħa nħarsu lejn it-tliet karattri ta’ din l-istorja u naraw x’jgħallmuna għall-ħajja tagħna personali u bħala komunità.


    L-Iben iż-żgħir

    L-iben iż-żgħir jirrifjuta l-imħabba tal-Missier. Jiddeċiedi li jħallih biex ikollu l-libertà u biex jista’ jgawdi l-ħajja. Kienet ix-xewqa tiegħu li jkollu ħajja bla xkiel. Imma hi l-istess ħajja bogħod mid-dar ta’ Missieru li tagħmlu skjav u tneħħilu kull illużjoni li seta’ kellu. Hekk jiġrilna bid-dnub, li jqarraq bina u jġagħalna naħsbu li bogħod minn Alla se nsibu tgawdija; imma d-dnub ineżżagħna mid-dinjità tagħna u jwaqqagħna f’miżerja. Fil-parabbola, dan hu mfisser b’mod qawwi meta jingħad li l-iben kien jixtieq kieku jiekol mill-ikel tal-ħnieżer imma ħadd ma kien jagħtih. Wasal f’dik l-estremità.

    Hu meta jkun f’dik is-sitwazzjoni terribbli li jagħraf l-iżball tiegħu u kemm kien aħjar f’dar missieru. Jagħmel deċiżjoni li jerġa’ lura. F’dak il-punt, ma kinetx deċiżjoni li jmur lura għax weġġa’ lil missieru, imma jmur lura ħalli joħroġ mill-miżerja. Jippreferi li jkun ilsir f’dar missieru milli jgħix ħajja ta’ għaks.


    Il-Missier

    Min-naħa għandna l-Iben iż-żgħir ġej lura, pass wara pass. U min-naħa l-oħra, x’hemm jistennieh? Hemm il-missier li dejjem baqa’ jixtiequ jiġi lura. Il-mument li l-iben riesaq biex jitlob lill-missier jilqgħu lura d-dar, isib mhux biss lill-missier lest li jilqgħu, imma “b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu”. Il-missier ma joqgħodx jilmenta miegħu, lanqas joqgħod ifakkarlu l-passat tiegħu u kemm inkwetah. Hu jgħid lill-qaddejja ilibbsulu l-isbaħ libsa, iċ-ċurkett, is-sandli, u joqtlu l-għoġol imsemmen; kollha dettalji li jfissru l-ferħ kbir tal-missier li ried li jagħmlu festa kbira, u jagħti lura lil ibnu d-dinjità ta’ iben għax reġa’ lura d-dar.

    Dan hu Alla li jrid lill-midneb jerġa’ lura għandu, li jifraħ u jagħmel festa meta xi ħadd li tbiegħed jerġa’ jersaq lejh. Alla dejjem lest jaħfer. Hu aħna li kultant ma naħfrux lilna nfusna jew ma nkunux lesti naċċettaw il-maħfra tiegħu.


    L-iben il-kbir

    Il-missier kellu wkoll tifel ieħor, l-iben il-kbir. Dan ma telaqx mid-dar, kien jgħix miegħu; imma dan ukoll ma kienx qrib missieru. Lill-missier kien pjuttost jittrattah ta’ mgħallem jew sid. Għalhekk ma setax jifhem kif jagħmel festa lil ħuh. Lanqas lil ħuh ma kien jistma. Ma jsejjaħlux “ħija”, imma jirreferi għalih billi jgħid lill-missier “dan ibnek”!

    Il-missier joħroġ biex jiltaqa’ wkoll ma’ ibnu l-kbir. Ifakkar lill-iben il-kbir li dak kien ħuh – “dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”. Il-messaġġ kontinwu tal-Missier hu li kien meħtieġ li jagħmlu festa u jifirħu.

    Jista’ jiġrilna wkoll bħall-iben il-kbir: li nkunu ‘viċin’ ta’ Alla imma qalbna ’l bogħod minnu. Li ma nħarsux lejh bħala Missier, imma biss bħala sid li rridu nogħġbu. Meta ma nħarsux lejn Alla bħala Missier li jħobbna, imbagħad lanqas inħarsu lejn ħutna bħala aħwa li nistmaw u nħobbu tassew.


    Esperjenza tal-ħniena ta’ Alla

    Alla hu l-Missier il-ħanin. Hu jridna ngawdu l-ħbiberija miegħu imma jirrispetta l-libertà tagħna. Jiddispjaċih meta aħna nitilquh għax jaf li bogħod minnu m’hemmx ħajja bis-sens. Imma dejjem jistenniena lura, anzi jfittixna biex jerġa’ joffrilna l-ħbiberija u l-maħfra tiegħu.

    Tkun ħaġa sabiħa li bħala komunità naħdmu biex dan il-messaġġ jasal fil-qlub ta’ ħafna. Għandna okkażjoni mill-isbaħ fejn nagħmlu l-esperjenza tal-ħniena u l-maħfra ta’ Alla: is-sagrament tal-qrar. Fil-qrar, is-saċerdot jirrappreżenta lil Ġesù Kristu li dejjem lest biex jilqa’ l-midneb u jgħinu jerġa’ jsib id-dinjità. Ha napprezzaw dan it-teżor sabiħ li għandna f’dan is-sagrament. Jista’ jiġrilna li jgħaddi ż-żmien u nittraskuraw il-qrar. F’dal-każ, aħna nkunu qed nitilfu, aħna li mmorru minn taħt. Alla dejjem jibqa’ jsejħilna għall-ħbiberija miegħu.

    Nitolbu li dejjem niftakru li l-ħbiberija miegħu hi l-akbar ġid tagħna, u bogħod minnu naqgħu fil-miżerja. Imma nitolbuh ukoll biex qatt ma naqtgħu qalbna mill-ħniena tiegħu, u dejjem ikollna l-kuraġġ li nerġgħu lura għand il-Missier għani fil-ħniena.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju