• 

     

  • Il-Via Sacra Djoċesana mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna ser issir nhar l-Erbgħa, 17 ta’ April 2019. Il-Via Sacra tibda fis-7:00 p.m. minn ħdejn l-istatwa ta’ Kristu Re (quddiem il-lukanda Phoenicia), u tintemm quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

    It-test li se jinqara matul il-Via Sacra ta’ din is-sena huwa adattament tal-Via Sacra li l-Papa Franġisku mexxa s-sena l-oħra fil-Kolossew, f’Ruma, fil-Ġimgħa l-Kbira.

    Fi tmiem il-Via Sacra l-Arċisqof ibierek il-ġemgħa bir-relikwa tas-Salib Imqaddes, waħda mill-iktar relikwi importanti tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, miġjuba Malta mill-Kavallieri minn Rodi u miżmuma b’għożża fil-Konkatidral.

    L-Insara kollha huma mistiedna u mħeġġa jattendu għall-Via Sacra li ser issir lejlet it-Tridu tal-Għid li matulu l-Knisja kollha fid-dinja tfakkar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

    Il-Via Sacra kif nafuha llum għandha l-bidu tagħha bejn is-sekli 12 u 13 u hija riflessjoni ta’ dak li għadda minnu Ġesù fil-pretorju, fil-fortizza Antonia f’Ġerusalemm u matul it-triq sal-għolja tal-Kalvarju (mil-Latin Calvus – qorriegħa), fejn ġie msallab.

    Għalkemm ħafna mill-istazzjonijiet huma mibnija fuq dak li jissemma fl-erba’ Evanġelji, oħrajn huma frott id-devozzjoni popolari. Minkejja dan, il-Via Sacra tibqa’ l-isbaħ talba popolari għal dan iż-żmien tas-sena u tgħin lil min jitlobha jidħol iżjed fil-qalba tal-misteru tat-tbatija u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet.