L-Evanġelju tal-Ħadd: 14 ta' April

  • Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej
    Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Is 50, 4-7
    Salm: 21 (22), 8-9.17-18a.19-20.23-24
    It-Tieni Qari: Fil 2, 6-11

    L-Evanġelju: Lq 22, 14 – 23, 56

  • Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Luqa

    Meta sar il-ħin, Ġesù qagħad fuq il-mejda flimkien mal-appostli, u qalilhom: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati! Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m’iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta’ Alla”. U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal: “Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. Għaliex, ngħidilkom, minn issa ’l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta’ Alla”. Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom. Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda. Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih!”.

    Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan. Inqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed. Imma hu qalilhom: “Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejħulhom benefatturi. Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej. Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? Mhux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej. Intom, imbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.

    Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek”. Qallu Xmun: “Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll”. Imma Ġesù qallu: “Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li inti tafni”. Imbagħad qalilhom: “Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla qorq?” Huma weġbuh: “Ma naqasna xejn”. Qalilhom Ġesù: “Imma issa, min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta’ fuqu u jixtri wieħed. Għaliex ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri: “Li kien magħdud mal-ħżiena”. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ”. Qalulu d-dixxipli: “Mulej, ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk”. Qalilhom Ġesù: “Biżżejjed!”

    Imbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu. Kif wasal hemmhekk qalilhom: “Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib”. Imbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta’ ġebla, u nxteħet għarkupptejh jitlob u jgħid: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi”. Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art. Imbagħad qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta’ qalb. U qalilhom: “Kif! Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!” Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?” Dawk ta’ madwaru, meta raw x’kien ġej, qalulu: “Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?” U wieħed minnhom ta daqqa ta’ sejf lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Imma Ġesù qal: “Ieqfu! Biżżejjed!” U messlu widintu u fejqu.

    Imbagħad Ġesù qal lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!” Imbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa’ miexi warajhom mill-bogħod. Meta mbagħad qabbdu n-nar f’nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda f’nofshom. Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: “Dan ukoll kien miegħu!” Iżda hu ċaħad u qalilha: “Mara, anqas biss nafu!” Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: “Int ukoll wieħed minnhom”.  Imma Pietru wieġbu: “Le, sieħeb, m’iniex!” Għaddiet xi siegħa u raġa’ kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: “Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija”. Iżda Pietru qallu: “Ma nafx x’inti tgħid, sieħeb”. U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu: “Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”. U ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma.

    L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh biż-żufjett u jsawtuh, u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu: “Aqta’ min tahielek din id-daqqa!” U qagħdu jgħajruh b’ħafna kliem ieħor. Meta sebaħ, iltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. U qalulu: “Jekk inti l-Messija, għidilna”. Iżda hu weġibhom: “Jekk ngħidilkom, ma temmnux; jekk nistaqsikom, ma tweġbux. Imma minn issa ’l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Alla li jista’ kollox”. U lkoll qalulu: “Inti mela l-Iben ta’ Alla?” Qalilhom Ġesù: “Intom stess qegħdin tgħiduh; iva, jien”. U huma qalu: “Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Għax smajnieha aħna minn fommu stess”. Imbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu. U bdew jakkużawh u jgħidu: “Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li mhuwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan”.

    Pilatu staqsieh u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” U hu wieġbu: “Inti qiegħed tgħidu”. Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: “Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem”. Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: “Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess”. Kif sama’ dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija, u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f’dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm. Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sama’ fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal. U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b’saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh. Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa ta’ kulur ilellex u raġa’ bagħtu quddiem Pilatu.

    Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dakinhar saru ħbieb. Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu u qalilhom: “Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. U anqas Erodi ma sab, għax raġa’ bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt. Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu”. Iżda huma qabdu jgħajtu lkoll f’daqqa: “Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna ’l Barabba!” Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet fil-belt għax kien qatel. Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla leħnu u raġa’ kellimhom; iżda huma qabdu jgħajtu aktar minnu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” Għat-tielet darba qalilhom: “Imma dan x’għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu”.  Iżda huma b’ħafna għajjat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma. Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.

    Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu: “Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda!”. Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji: “Aqgħu fuqna!”, u lill-għoljiet: “Ordmuna!”. Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”. Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu. Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Imbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom.

    Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”. Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal:  “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.

    Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa, għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs. Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”. U kif qal hekk, ħarġet ruħu.

    Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!” U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom. Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija. U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust, li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f’dak li riedu u f’dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta’ Alla. Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù; niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar, u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda. In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; imbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skont il-preċett tal-Liġi.