• It-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa
    Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Iż 49, 1-6
    Salm: 70 (71), 1-2.3-4a.5-6ab.15 u 17

    L-Evanġelju: Ġw 13, 21-33.36-38

  • F’dak iż-żmien, waqt li kien fil-mejda mad-dixxipli tiegħu, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: “Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini”. Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn xulxin, ma jafux għal min qal hekk. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda, b’rasu ma’ sider Ġesù. Xmun Pietru għamillu sinjal u staqsieh: “Għal min qiegħed jgħid?”. Dak, kif kien mimdud hekk fuq sider Ġesù, staqsieh: “Min hu, Mulej?”. Wieġbu Ġesù: “Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu”. Imbagħad bill biċċa ħobż, u qabad u taha lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota. Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih ix-Xitan. Qallu Ġesù: “Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx”. Imma ħadd minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf għalfejn qallu hekk. Billi Ġuda kien il-kaxxier, xi wħud stħajlu lil Ġesù jgħidlu: “Mur ixtri dak li neħtieġu għall-festa”, jew biex imur jagħti xi ħaġa lill-foqra. Dak, wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ ’il barra. Kien billejl.

    Kif ħareġ Ġuda, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom; intom tfittxuni, u bħalma għedt lil-Lhud, hekk ukoll ngħidu issa lilkom: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu”. Qallu Xmun Pietru: “Fejn sejjer, Mulej?”. U Ġesù wieġbu: “Fejn sejjer jien, int għalissa ma tistax tiġi miegħi; imma tiġi warajja aktar tard”. Qallu Pietru: “Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa? Għalik jiena nagħti ħajti!”. Wieġbu Ġesù: “Inti, tagħti ħajtek għalija? Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet!”