• ****

    Direttur:          Chris Butler

    Ilħna:               Zoe Saidna, Timothy Olyphant, Hugh Jackman, Emma Thompson, Amrita Acharia, Zach Galifianakis, Matt Lucas, Stephen Fry u David Walliams

    Ħin tal-Film:    95 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  PG

    Sir Lionel Frost hu bniedem kariżmatiku wieħed mill-akbar investigaturi ta’ ħrejjef famużi antiki u mostri. L-istorja sseħħ fi tmiem tas-seklu disgħin. Sfortunatament l-esploraturi sħabu xejn ma kienu jaqblu miegħu tant li anqas aċċettawh fosthom. Lionel anke rnexxielu jiġbed ritratt tal-mostru Loch Ness li kważi swiet ħajtu u dik tal-qaddej u assistent tiegħu. Għalkemm iltaqa’ ma’ dawn id-diffikultajiet, qatt ma qata’ qalbu. Meta rċieva ittra mill-Amerika, iddeċieda li jmur hemm biex jistħarreġ aktar fuq min kien bagħat l-ittra kif ukoll il-kontenut li kien fiha. Fl-ittra kien hemm dettalji li urew li veru li kien jeżisti Bigfoot, magħruf aħjar bħala Sasquatch. Lionel mill-ewwel jaħseb li Bigfoot seta’ kien il-missing link li teżisti bejn ix-xadini u l-bnedmin. Iżda l-akbar rival tiegħu hu difensur kbir taċ-ċiviltà umana u jemmen li l-appoġġ li Lionel kien qieghed jagħti għat-teorija ta’ Darwin fuq l-evoluzzjoni kienet perikoluża ħafna.

    Għalhekk, bil-moħbi, bagħat l-aktar  bniedem kapaċi u perikoluż biex isibu u joqtlu.  Sadanittant, Lionel jitlaq lejn Washington fl-istat tal-Pacific Northwest biex hemm ifittex min kien li bagħat l-ittra u li fiha kien qallu li kien jaf fejn kien jinsab il-Bigfoot. Meta Lionel jasal u jibda jesplora d-deżert, jiltaqa’ ma’ Bigfoot. Kien Bigfoot  stess li  kien kiteb l-ittra u bagħtha lil Lionel. Bigfoot, li kien kapaċi jitkellem bl-Ingliż, stqarr ma’ Lionel li ma kienx jaf min kienu l-ġenituri tiegħu u anqas ma kellu isem. Għalhekk Lionel beda jsejjaħlu Mr. Link.  Mr. Link kien tassew ta’ karattru ħelu u attraenti iżda kellu dieqa ta’ qalb ghax kien jinsab jgħix waħdu. Fil-fatt dik kienet ir-raġuni għala kiteb il-ittra għax xtaq ħafna li  Lionel jgħinu jsib il-kuġini tiegħu, il-Yeti magħrufa aħjar bħala ”The Abominable Snowmen”. Lionel u Mr. Link jibdew Il-vjaġġ twil tagħhom lejn Shangri-La fil-Muntanji Himalayas fejn kien maħsub li kienu jinsabu il-Yeti. Fi triq jiġbru magħhom lil Adelina Fortnight, l-armla ta’ esploratur Spanjol li kien sab il-mappa dettaljata ta’ Shangri-La. Tgħid jirnexxielhom jaslu biex isibu l-Yeti u meta jaslu sejrin ikunu milqugħha b’merħba?

    Film Amerikan, animat bi storja interessanti, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Chris Butler. Minħabba li hemm xi xeni li jistgħu ma jkunux tajbin għat-tfal żgħar, kif ukoll xi ċajt goff, tajjeb li t-tfal ikunu akkumpanjati minn xi adult.