• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    18 ta’ April 2019

    “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien, tifhmu aktar ’il quddiem” (Ġw 13:7). Pietru ma jistax jifhem is-sinifikat profond tal-ħasil tar-riġlejn li l-Imgħallem jagħmel mad-dixxipli għeżież tiegħu. Hu li kien Alla, jiddeċiedi li jqum minn fuq il-mejda, ineħħi l-mantar minn fuqu, jieħu fardal, jorbtu ma’ qaddu u jibda jaħsel saqajn id-dixxipli.

    Jinsisti magħna wkoll meta jistaqsina: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘l-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien l-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13, 12-14). Jinsisti: “Jiena tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15).

    Imma għaliex Ġesù lil Pietru jgħidlu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien? Tifhmu aktar ’il quddiem” (Ġw 13:7). Għaliex is-sinifikat profond ta’ dan il-ġest li aħna se nirrepetu minn hawn u ftit ħin ieħor, jagħmel sens u nistgħu nifhmuh tassew wara li tgħaddi l-Ġimgħa l-Kbira u jasal l-Għid tal-qawmien.

    Fil-ħasil tar-riġlejn, Ġesù ried iħallilna eżempju li jfakkarna ta’ kuljum li hu fuq is-salib ta ħajtu għalina … 

    Fil-ħasil tar-riġlejn, Ġesù ried iħallilna eżempju li jfakkarna ta’ kuljum li hu fuq is-salib ta ħajtu għalina; li hu minn fuq is-salib u bil-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, ħabbna li aħna tiegħu u ħabbna għall-aħħar. “Hu li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1). “Għall-aħħar” tfisser bl-iżjed kejl qawwi u profond; “għall-aħħar” tfisser ukoll sal-aħħar nifs. Din hija t-tip ta’ mħabba li l-Knisja titlob meta tgħallem il-fedeltà fiż-żwieġ Nisrani. Din hija l-imħabba li l-Knisja titlob meta lis-saċerdoti tagħha tħeġġiġhom biex ikunu fidili lejn il-missjoni tagħhom. Dan huwa l-eżempju li jrid imexxina f’kull vokazzjoni li l-Mulej isejħilna għaliha, mill-iżjed vokazzjoni umli sa dik l-iżjed għolja. Is-servizz profond li nagħtu jrid ikollu dan l-eżempju: l-eżempju ta’ qadi għall-aħħar li fih tintwera din l-imħabba għall-aħħar.

    F’din iċ-ċelebrazzjoni solenni tat-tifkira tal-aħħar ikla tal-Mulej qabel il-passjoni tiegħu, nirringrazzjaw lil Alla ta’ diversi doni fosthom is-saċerdozju ministerjali u s-saċerdozju ta’ qadi fejn il-Mulej jagħżel uħud minna, iħenn għalihom waqt li jagħżilhom u jagħtihom il-qawwa li f’ismu jaħfru d-dnubiet, li f’ismu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jbiddlu l-ħobż fil-ġisem tiegħu u l-inbid fid-demm imqaddes tiegħu. Jagħmilhom ministri tal-preżenza tiegħu fid-dinja, preżenza li taħfer u ddewwi, preżenza li tfarraġ u tfejjaq, preżenza li tmantni, preżenza li hija ikel f’dan il-pellegrinaġġ li jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

    “Jekk jien li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:14). Kemm għandna bżonn niftakruhom dan il-kliem kull meta matul il-ġurnata nitiflu l-paċenzja ma’ xulxin. Kemm-il darba nkunu se nqattgħu l-karti, kemm-il darba nkunu se ngħejjew fis-servizz tagħna fis-soċjetà, kemm-il darba aħna, minflok inkunu ta’ qadi, inkunu qaddejja, nagħmluha ta’ xi ħadd li għandu d-dritt jieħu xi ħaġa.

    Ejjew nitolbu ’l Mulej li jfakkarna f’dawn il-kliem għeżież tiegħu meta nkunu ttentati naħsbu fina nfusna biss u ninsew li aħna qaddejja. Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej talli biex ifehemna xi tfisser tkun qaddej, ħalla lil min iżebilħu, lil min jittorturah, lil min jikkundannah waqt li kien innoċenti, u lil min joqtlu bl-iktar mewt kiefra. Imma niftakru wkoll li hu li huwa l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja li qam rebbieħ fit-tielet jum.

    Pietru għal bidu ma riedtx li l-Mulej jaħsillu saqajh imma meta fehem li din il-lezzjoni kienet importanti biex ikun ma’ Ġesù, xtaq lill-Mulej jaħsillu jdejh u anke rasu. Kemm kienet qawwija x-xewqa ta’ Pietru li jkun ħaġa waħda ma’ Ġesù u fl-istess ħin kemm kien dgħajjef Pietru. Fih naraw lilna nfusna, lil kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej jaf ix-xewqa kbira li aħna nkunu miegħu, jaf ukoll id-dgħufija tagħna.

    Nitolbu għal min, għaliex magħmi b’xi kundizzjoni fil-ħajja, jasal biex iżeblah l-Ewkaristija … 

    Illum niftakru wkoll f’tant Insara li minħabba ċ-ċirkustanzi iebsa fil-ħajja tagħhom, forsi minħabba deċiżjonijiet mhux feliċi, iħossuhom ’il bogħod minn Ġesù, mis-sagramenti u mill-Ewkaristija. Illum huwa wkoll il-jum tagħhom, il-jum ta’ min għandu l-għatx għal Ġesù mingħajr ma jaf, ta’ min għandu l-ġuħ għall-Ewkaristija mingħajr ma jaf x’qiegħed jixxennaq. Illum nitolbu wkoll għall-imbegħdin, u nitolbu li f’dan il-lejl qaddis meta ħafna Maltin iżuru l-artali fejn l-Ewkaristija tkun meqjuma kif jixraq, ħafna Maltin jersqu lejn Ġesù, lejn il-qrar u t-tqarbin. Nitolbu għal min, għaliex magħmi b’xi kundizzjoni fil-ħajja, jasal biex iżeblah l-Ewkaristija; waqt li jemmen fiha, jiddisprezzaha.

    Agħmel, o Mulej, li aħna li m’aħniex denji ta’ mħabba daqshekk kbira ma nibżgħux nersqu lejk li ħsiltilna saqajna u tajtna eżempju: “Għax jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15).

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta


     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti