L-omelija tal-Isqof Awżiljarju f'Ħamis ix-Xirka

It-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej bil-ħasil tar-riġlejn f'Ħamis ix-Xirka

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Balzan

    18 ta' April 2019


    Bħal-lum ġimgħa, il-Papa Franġisku ħasad lil kulħadd meta waqt laqgħa li kellu mal-mexxejja tan-naħa ta’ isfel tas-Sudan, niżel ibus saqajhom. L-iskop tal-laqgħa kien li jiltaqgħu flimkien il-mexxejja avversarji biex jegħlbu l-konflitti u l-ġlied ta’ bejniethom. Il-Papa ried iwassal messaġġ ta’ paċi, ta’ mħabba, ta’ maħfra li tegħleb il-mibegħda.

    Ħadd ma kien jistennieha li l-Papa jinżel ibus saqajn dawn in-nies. Meta rajtha, jien ftakart f’dak li għadna kif qrajna llum fl-Evanġelju ta’ San Ġwann meta Ġesù ħasad lid-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ċena għax niżel jaħsel saqajhom. Kien xokk għalihom għax dak kien xogħol li jagħmlu l-ilsir mhux l-Imgħallem.


    Ġest li jfisser ħajtu u mewtu

    Imma Ġesù, f’ġest wieħed, ġabar dak li kienet tfisser ħajtu kollha u dak li kienet se tfisser mewtu. Ġesù li niżel jaħsel saqajn l-appostli kienet tfisser li hu Alla li niżel fostna biex jifdina, inaddafna minn ħtijietna. Hu li, kif naqraw fl-Evanġelju, “il-Missier tah kollox f’idejh...”, niżel fostna biex jagħti ħajtu għalina. Fuq is-salib, imbagħad, ingħata kompletament għalina. Għalhekk ġest wieħed li bih fisser ħajtu u mewtu.


    Jaħsel saqajn ta’ kull wieħed

    Illum nixtieq li nieqfu fir-riflessjoni tagħna fuq dan il-ġest ta’ Ġesù imma l-aktar fuq dettall importanti li jgħallimna ħafna. Ġesù niżel jaħsel saqajn l-appostli kollha, wieħed wieħed. Jiġifieri mhux biss ta’ Ġwanni li kien id-dixxiplu l-aktar viċin tiegħu u baqa’ miegħu sa taħt is-salib, imma wkoll ta’ Ġuda li ttradih, ta’ Pietru li ċaħdu, u tal-appostli l-oħra li abbandunawh u ħallewh waħdu. L-istess saqajn li Ġesù kien qed inaddaf mill-ħmieġ kienu s-saqajn ta’ dak li kien se jiġi l-Ort tal-Ġetsemani flimkien mas-suldati biex jarrestawh, ta’ dak li mal-qaddejja tal-qassis il-kbir kien se jinsisti li ma jafux, u ta’ dawk li kellhom jaħarbu ’l bogħod mit-tbatija tiegħu.


    Ġest ta’ mħabba u maħfra

    U Ġesù, li l-Evanġelju jgħidilna li kien jaf x’hemm fil-qalb tal-bniedem, u kien jaf x’se jagħmlu u fiex se jġibuh, niżel jaħsel saqajn dawn kollha. Żgur li f’dan il-ġest għandna l-istess għajta ta’ Ġesù fuq is-salib: ‘Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu’. Ħafrilhom minn qabel Ġesù, u għalhekk San Ġwann jgħidilna li ‘ħabbhom għall-aħħar’, għax l-akbar sinjal ta’ mħabba sal-aħħar hija l-maħfra.

    Dak li għamel Ġesù meta ħasel saqajn id-dixxipli kien sinjal ċar li Alla hu Alla li jħobb u jaħfer, li anke lil min jabbandunah, jittradih, jiċħdu. Mhuwiex Alla li jiċħad lill-bniedem, imma Alla li jagħti lilu nnifsu għall-bniedem u li dejjem jiġri wara l-bniedem biex iwassallu s-salvazzjoni.


    Il-ħasda kienet ikbar

    Imma Ġesù għamel ħaġ’oħra hekk kif lesta l-ħasil tas-saqajn tal-appostli. Qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa għax hekk jien. Mela jekk jien li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.”

    Ġesù kien ċar mal-appostli tiegħu. Jistenna minnhom l-istess stil ta’ ħajja. Il-ġest tiegħu fisser imħabba sħiħa, maħfra. Hekk jistenna minna. Hi sfida li qegħdilna quddiemna, speċjalment li f’ħajjitna nkunu lesti naqdu bla distinzjoni, naħfru mill-qalb. Imma hi sfida li jġeddidha lilna lkoll f’ġurnata bħal tal-lum.


    Il-ħasil tas-saqajn u l-Ewkaristija

    Ġesù jqiegħed quddiemna din l-isfida kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija. Fiha niċċelebraw lil Ġesù li jingħata għalina, għal kull wieħed u waħda minna, għax iħobbna u għax jaħfrilna. Fl-Aħħar Ċena, l-idejn li qabdu s-saqajn biex jaħsluhom kienu l-istess idejn li bihom Ġesù qabad il-ħobż u l-inbid biex jibdilhom f’ġismu u f’demmu għall-fidwa tagħna. U l-ġest tal-ħasil tas-saqajn hu miġbur fl-istess kliem ta’ Ġesù: “dan hu ġismi li jingħata għalikom, dan hu demmi li jixtered għalikom għall-maħfra tad-dnubiet.” Qal Ġesù: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”, bħalma meta ħaslilhom saqajhom qalilhom: “Jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien hekk tagħmlu intom ukoll.”

    Li hemm sabiħ hu li l-Ewkaristija mhijiex biss sfida biex ngħixu l-istess stil ta’ Ġesù. Hi l-ikel li tana Ġesù biex nirċievu l-qawwa, l-enerġija ħalli ngħixu bħalu. Bil-limitazzjonijiet kollha tagħna, bil-bżonn ta’ purifikazzjoni kontinwa... imma Ġesù jagħtina l-qawwa permezz tal-Ewkaristija. Minnu trid tiġi l-għajnuna, u hu joffrihielna fl-Ewkaristija.


    L-Ewkaristija u s-saċerdozju

    F’din il-ġurnata għażiża, flimkien mat-twaqqif tal-Ewkaristija, niċċelebraw ukoll it-twaqqif tas-saċerdozju. Nitolbu ħafna għalina s-saċerdoti ħalli jkollna tassew l-ispirtu ta’ qaddej, kollna mħabba u maħfra, fil-missjoni li Alla fdalna f’idejna. Nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet, illum b’mod partikulari għall-vokazzjonijiet saċerdotali ħalli jkunu ħafna dawk li jwieġbu għas-sejħa tal-Mulej biex ikunu qaddejja tal-poplu tiegħu bħalma jurina Ġesù meta jinżel jaħsel saqajn l-appostli, anke ta’ min kien se jittradih, min kien se jiċħdu, min kien se jabbandunah.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju