• Il‑Kummissjoni Dottrinali tal‑Konferenza Episkopali Maltija tixtieq tintroduċi ruħha lill‑Insara ta’ Malta u Għawdex, u lil kull bniedem ta’ rieda tajba.

    Il‑Kummissjoni tgħin lill‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex biex ixandru u jħarsu tajjeb it‑tagħlim ġenwin tal‑fidi Kattolika. Il‑Kummissjoni ġġib ’il quddiem ir‑riflessjoni teoloġika fil‑gżejjer tagħna. Għal dan il‑għan, hija tikkollabora ma’ istituzzjonijiet akkademiċi lokali u barranin, u ma’ esperti oħra. Hija tfittex djalogu sinċier u miftuħ mal‑bnedmin kollha ta’ rieda tajba.

    Il‑Kummissjoni Dottrinali tagħti is‑sehem tagħha biex, fi kliem il‑Papa Franġisku, il‑Knisja f’Malta u Għawdex tkun “Knisja li ‘toħroġ’” jiġifieri “l‑komunità ta’ dixxipli missjunarji li jieħdu inizjattiva, li jinvolvu ruħhom, li jsieħbu lil oħrajn, li jagħmlu l‑frott u jiffesteġġjaw … Tgħix bix‑xewqa bla temma li toffri ħniena, u dan ġej mill‑fatt li hi stess daqet mill‑ħniena infinita tal‑Missier u l‑qawwa tiegħu bla tarf … Il‑komunità li tevanġelizza, b’għemejjel u ġesti, tidħol fil‑ħajja ta’ kuljum tal‑oħrajn u tqassar id‑distanzi” (Papa Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, 24 ta’ Novembru 2013, nru 24).

    [Hija Knisja li] “tiċċelebra u tagħmel festa għal … kull pass ’il quddiem fl‑evanġelizzazzjoni. L‑evanġelizzazzjoni ferrieħa turi ġmielha fil‑Liturġija fil‑kuntest tal‑bżonn li kuljum tara li xxerred u tkabbar il‑ġid. Il‑Knisja tevanġelizza u tirċievi l‑evanġelizzazzjoni mill‑ġmiel tal‑Liturġija, għax anki din hi ċelebrazzjoni tal‑ħidma tal‑evanġelizzazzjoni u għajn ta’ enerġija mġedda biex hi tingħata” (Papa Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, 24 ta’ Novembru 2013, nru 24).

    Il‑Kummissjoni Dottrinali tfakkar fiċ‑ċentralità ta’ Ġesù Kristu għall‑Knisja tiegħu. Il‑Knisja mhijiex sempliċi organizzazzjoni bħal ħafna oħrajn li hawn fid‑dinja. Il‑Papa Benedittu XVI jgħallimna li “ma jistax ikollna lil Ġesù mingħajr ir‑realtà li hu waqqaf u li permezz tagħha jikkomunika lilu nnifsu … Il‑preżenza tiegħu fil‑komunità, li fiha huwa dejjem magħna, hi r‑raġuni għall‑ferħ tagħna” (Papa Benedittu XVI, Katekeżi waqt l‑Udjenza Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2006).

    Bi kliemha u ħidmietha, il‑Kummissjoni Dottrinali tixtieq tgħin lill‑komunità Nisranija tesperjenza l‑ġmiel, il‑ferħ u l‑qawwa feddejja tal‑Mulej Irxoxt fil‑mixja tagħha lejn il‑milja tal‑ħajja.