• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Is-Santwarju tal-Ħniena Divina, San Pawl tat-Tarġa

    28 ta’ April 2019

    Fil-Ktieb tal-Apokalissi l-awtur iħoss xi ħadd li jmissu: “Ressaq idu l-leminija fuqi u qalli: ‘Tibżax; jiena hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj, jiena kont mejjet, u ara, issa jiena ħaj għal dejjem ta’ dejjem’” (Apok 1, 17-18).

    Jekk aħna nħarsu lejn ix-xemgħa tal-blandun nifhmu minn fejn ġej is-simboliżmu meta naqraw din is-silta mill-Apokalissi. “Jiena l-Ewwel u l-Aħħar” (l-Alpha u l-Omega) (Apok 1:8), l-ewwel ittra u l-aħħar ittra tal-alfabett, l-ewwel u l-aħħar. Dan ifisser li l-Mulej jiġbor kollox fih. Hu li kien mejjet issa ħaj. Huwa sid iż-żminijiet.

    Fil-lejl qaddis tal-Għid, is-saċerdot, hu u jimmarka l-blandun u jniżżel is-sena—fil-każ tagħna 2019—iħabbar li l-Mulej huwa s-Sid taż-Żminijiet, li huwa Mulej għal dejjem. Hemm simboliżmu ieħor li jissemma propju fil-liturġija tal-lum, propju fl-Evanġelju li huma l-ħames pjagi ta’ Ġesù. Dawn il-ħames boċċi tal-inċens, is-saċerdot ipoġġihom fuq il-blandun u jfakkar li bil-pjagi tal-Mulej aħna niksbu l-ħajja tagħna.

    Jiena għandi ammirazzjoni kbira għall-appostlu San Tumas. L-ewwel nett nammirah għall-intelliġenza tiegħu. Kien bniedem tant intelliġenti li kien jaf li jista’ jagħraf lil Ġesù biss jekk Ġesù jkollu l-marka tal-imsiemer u l-marka tal-lanza fuq ġenbu. Tumas fehem li Ġesù se jibqa’ jġorr il-pjagi tiegħu miegħu. U fil-fatt hekk jagħmel. Meta juri lilu nnifsu lid-dixxipli mbeżżgħin mil-Lhud, bil-bieben magħluqa, urihom idejh u ġenbu, il-marki tal-imsiemer u l-marka tad-daqqa bil-lanza.

    “Bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Iż 53:5) jgħid il-profeta Iżaija. Dan huwa qari li aħna nisimgħu fil-Ġimgħa l-Kbira u li llum jerġa’ jiġi kkonfermat lilna fil-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt. Mhux qed narawh iżjed imsallab imma rxuxtat. Għalkemm irxuxtat jibqa’ jurina l-pjagi tiegħu.

    Jekk fl-Apokalissi l-Mulej imiss lid-dixxiplu u jgħidlu “tibżax,” ġimgħa wara l-irxoxt tiegħu, lil Tumas jgħidlu: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20:27). L-istedina li Ġesù jagħmel lil Tumas waqt li jikkonferma dak li kien ħaseb l-appostlu li ddubita għax huwa intelliġenti, huwa li jersaq lejn il-pjagi tiegħu. ‘Tibżax tersaq lejn il-pjagi tiegħi’ għaliex il-pjagi ta’ Ġesù huma bħal bibien u twieqi miftuħa fuq il-qalb ta’ Alla. Jekk jiena nixtieq nara l-qalb ta’ Alla kif inhi, nittawwal minn dawn it-twieqi u minn dawn il-bibien.

    Jekk xi ħadd ikollu l-opportunità jżur il-Victoria and Albert Museum f’Londra, nissuġġerilu jmur fis-sezzjoni tal-arti medjevali u rinaxximentali. Fir-Royal Victoria and Albert Museum hemm bust tal-bronż ta’ 600 sena li ġabuh minn Firenze. Il-bust hu ta’ Ġesù li b’idejh it-tnejn jiftaħ il-pjaga tas-sidru biex aħna nkunu nafu kemm hi kbira u kemm hi tal-ħniena l-qalb tiegħu. Dan il-bust kien fuq sptar, id-daħla ta’ sptar li fir-rinaxximent kienu jissejħu misericordiae. Din il-ħaġa tolqotni ħafna għaliex il-Mulej mhux biss jurina l-pjagi tiegħu imma jiftaħhom iżjed biex aħna ma nibżgħux nersqu lejh u permezz tagħhom nidħlu f’intimità miegħu.

    Min imiss mal-ħniena ta’ Ġesù, imiss mal-pjagi tiegħu.

    Dan hu l-proċess li aħna nirċievu l-ħniena. Min imiss mal-ħniena ta’ Ġesù, imiss mal-pjagi tiegħu. San Ġorġ Preca kien iħobb jitlob li permezz tal-pjagi tal-Mulej, inkunu nistgħu nfiequ mill-pjagi tar-ruħ tagħna għax id-dnub iħallilna ħafna feriti; il-vizzji tagħna jagħtuna kedda biex neħilsu minnhom u nirbħuhom. F’din il-ġlieda kontra l-ħażen li hemm fina u madwarna aħna, dejjem nispiċċaw b’xi black eye jew inkella b’xi gundalla. Imma bil-ħniena tiegħu l-Mulej ifejjaq il-pjagi tar-ruħ tagħna.

    Din hija l-ħniena tiegħu: ħniena li mhux qiegħda hemm biex tikkundannana anzi biex tfejjaqna imma tfejjaqna fil-verità. Meta mmur għand it-tabib, speċjalment meta nkun għamilt l-analiżi tad-demm, qatt ma mmur għal aħbarijiet tajbin, dejjem immur għal aħbarijiet ħżiena u xi tbeżbiża ’l hawn u ’l hemm. Qatt ma ngħaddi mill-eżami. Imma huwa l-mument tal-verità!

    Għalkemm jien l-Arċisqof, it-tabib ma jgħinix jekk jaħbili l-verità u jgħidli li kollox sew u li jien sano come un pesce, bħalma jgħidu t-Taljani. Għand it-tabib inkun naf li jiena mhux sejjer biex nagħmel prietka imma biex nismagħha. Imma t-tabib, kemm tal-ġisem u kemm tar-ruħ, jgħinek jekk jgħidlek il-verità, jekk jurik il-pjagi li għandek bżonn tfejjaq u jagħtik id-dixxiplina neċessarja.

    Ilkoll kemm aħna pazjenti mqarbin, kemm fir-ruħ u kemm fil-ġisem; ilkoll kemm aħna imma nafu li t-tabib kemm tar-ruħ u kemm tal-ġisem jixtiqilna l-aqwa ġid. Allura llum li aħna qed niċċelebraw l-ħniena tiegħu li hija ħniena fil-verità, ejjew nitolbuh il-grazzja li aħna nisimgħu l-leħen tiegħu u li bl-umiltà nagħmlu dak li qed jitlobna għax dak li qed jitlobna huwa ta’ ġid għalina.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti