Ħames seminaristi se jiġu ordnati djakni

  • Ħames seminaristi ser jiġu ordnati djakni mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna nhar il‑Ħadd, 12 ta’ Mejju 2019. Il-Quddiesa ser issir fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fid‑9:00 a.m. Il‑ħames seminaristi li ser jiġu ordnati djakni huma:

    • Osmar Baldacchino mill‑Parroċċa ta’ San Nikola, is‑Siġġiewi
    • David Borg mill‑Parroċċa tal‑Madonna tal‑Grazzja, Ħaż‑Żabbar
    • Christopher Bugeja mill‑Parroċċa ta’ San Pawl, ir‑Rabat
    • Jonathan Debattista mill‑Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien
    • Tony Pace mill‑Parroċċa tal‑Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi


    Permezz tal‑ordinazzjoni, id‑djakni l‑ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id‑dmirijiet tad‑djaknu huma li l‑ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi bl‑imħabba (djakonija) fis‑servizz tiegħu lejn il‑poplu, jassisti lill‑isqof u lis‑saċerdoti fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑misteri qaddisa, l‑aktar tal‑Ewkaristija, jamministra s‑Sagrament tal‑Magħmudija, jassisti għaż‑żwieġ u jbierku, ixandar l‑Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi funerali.

    Kulħadd huwa mistieden biex jattendi għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑ordinazzjoni u biex jitlob għal aktar vokazzjonijiet u għall‑qdusija tal‑kleru, speċjalment għal dawk li ser jiġu ordnati djakni nhar il‑Ħadd.